X’effetti sekondarji għandu l-vaċċin tal-Covid19?

‘Popolin’ xandar programm speċjali li permezz tiegħu l-popolin seta’ jistaqsi mistoqsijiet varji rigward il-vaċċin tal-Covid19. Sabiex nipprovdu risposti korretti u professjonali, tkellimna mal-Professur Michael Angelo Borg, Kap tad-Dipartiment tal-Infezzjonijiet f’Mater Dei.

Fost diversi mistoqsijiet li rċieva ‘Popolin’ ħafna jidhru mħassba rigward is-sigurtà u l-effikaċja ta’ dan il-vaċċin ġdid. Il-Professur Borg spjega li t-teorija li ħafna qegħdin jgħidu, dik li jagħmel iktar sens li jinfettaw ruħhom bil-virus milli jieħdu l-vaċċin hija kompletament żbaljata. Bl-iktar mod skjett spjega li l-vaċċin huwa l-ekwivalenti tal-marda mingħajr ir-riperkussjonijiet u r-riskji li jġib miegħu dan il-virus. Il-Vaċċin għandu jittieħed biex jekk persuna tlaqqat il-marda, l-effetti u l-komplikazzjonijiet  ikunu ħafna inqas minn meta l-vaċċin ma jkunx ittieħed. Hu proprju għalhekk li l-awtoritajiet tas-saħħa għażlu li jiffokaw l-ewwel fuq l-anzjani u dawk vulnerabbli, għaliex dawn il-persuni huma l-iktar li qegħdin f’riskju. Borg tenna li l-vaċċin qed jinstab li huwa effettiv ħafna wkoll biex jevita t-tixrid tal-mard, għalhekk huwa l-għodda tagħna biex nikkontrollaw aħjar din il-marda. Tenna li meta wieħed jieħu l-vaċċin xorta jrid jibqa’ josserva r-restrizzjonijiet indikati mill-awtoritajiet tas-saħħa fosthom l-użu tal-maskli u d-distanza soċjali. Borg żied jgħid li hu minnu li ħafna mid-drabi ż-żgħażagħ ma jkollhomx riperkussjonijiet gravi bħal ma’ jista’ jkollhom l-anzjani, biss dan ma jfissirx li ma jiġux affettwati minn dan il-virus. Fil-fatt huma ħafna dawk li qegħdin ibagħtu minn l-hekk imsejjaħ ‘long covid’ fejn persuni jibqgħu isofru r-riperkussjonijiet tal-virus għal tul ta’ żmien. Il-Professur Borg spjega li l-kumpaniji Pfizer u Moderna ma jindikaw l-ebda marda jew kundizzjoni li kellhom xi effett meta ttieħed il-vaċċin. Spjega li l-effetti ta’ dan il-vaċċin huma simili tas-side effects li jkollhom vaċċini oħrajn; telqa, uġigħ fejn ħadt l-injezzjoni u deni. Dawn l-effetti juru li t-tilqima qeda taħdem.

Fost diversi mistoqsijiet tispikka mistoqsija magħmula minn ħafna; kif inhu possibbli li nstab vaċċin daqshekk malajr? X’garanzija hemm li dan il-vaċċin huwa effikaċi u sigur? Għal dan, il-professur Borg spjega li hu veru li biex joħroġ vaċċin fis-suq jinvolvi ammont eżorbitanti ta’ flus u anke żmien. Biss wieħed irrid jieħu in konsiderazzjoni li din il-pandemija ħasdet lid-dinja kemm mill-aspett mediku kif ukoll minn dak ekonomiku. Għalhekk il-kumpaniji farmaċewtiċi tefgħu dan il-vaċċin fil-quċċata tal-prijoritajiet tagħhom. Il-flus li kien hemm bżonn għal din ir-riċerka ġew investiti bla ħafna dewmien, minn diversi pajjiżi fosthom l-Amerka u l-Unjoni Ewropeja. Għalhekk il-proċess li s-soltu jieħu ammont ta’ snin, sar fi ftit xhur għaliex l-isforzi u l-kapital investit ġie allokat f’qasir żmien.

Il-Professur Borg tenna li Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ tilqim “Minn mindu bdejna nqassmu l-vaċċin, qegħdin dejjem inżidu u ntejbu l-kapaċità tagħna biex noffru t-tilqima”. Żied jgħid li għadu kmieni biex ngħidu jekk dan il-vaċċin hux se jingħata darba jew irid jiġi amministrat kull sena. Nistennew u naraw.

Erġa’ segwi l-programm:-

Popolin