Qorti
Xehed quddiem l-inkjesta pubblika dwar jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia setax ġie evitat

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne xehed quddiem l-inkjesta pubblika dwar jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia setax ġie evitat. Dr Fearne qal li wara li ħarġu l-Panama Papers huwa kien qal lill-Prim Minsitru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat li Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jirriżenjaw.

Dwar il-konċessjoni tat-3 sptarijiet li ngħata lil Vitals Global Healthcare Dr Fearne qal li huwa ma kienx imdaħħal fil-ftehim u li kollox kien f’idejn Konrad Mizzi.

Meta kien qed jixhed fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, id -Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, qal li meta l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kellem lil kull Ministru individwalment wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers, kien iktar iffoka fuq Konrad Mizzi li ma kienx se jibqa’ deputat mexxej u ministru għas-saħħa.

Dr Fearne qal li Dr Muscat kien li l-pożizzjoni tas-Sur Schembri mhux se jiddeċiediha l-Kabinett iżda se jkun hu li se jiddieċiedi dwar il-futur tas-Sur Schembri għax kien persuna ta’ fiduċja tiegħu. Mistoqsi dwar ir-relazzjoni li kellu ma’ Keith Schembri, id-deputat Prim Ministru Fearne qal li dejjem ħass li s-Sur Schembri prova ifixkillu l-prospetti tiegħu għall-kariga ta’ deputat mexxej. Dwar il-privatizzazzjoni tat-3 sptarijiet, il-Ministru tas-Saħħa qal li huwa ma kienx imdaħħal fil-ftehim u li kollox kien f’idejn Konrad Mizzi.

Fil-bidu tas-seduta, l-Imħallef Michael Mallia li qed immexxi l-bord ta’ inkjesta, qal li l-bord irċieva ittra tal-Prim Ministru Robert Abela dwar l-estensjoni tat-terminu tal-inkjesta. L-avukati tal-familja Caruana Galizia qalu li għamlu l-pożizzjoni tagħhom ċara, u li ma għandhom bżonn ebda permess għall-estensjoni taż-żmien tal-inkjesta.