Mużika
Xejn isbaħ minn tbissima u ftit pożittività – Ivan Grech u sħabu jinterpretaw ‘Happy’

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-kantant tal-grupp Winter Moods, Ivan Grech, hu u jqelleb fuq il-midja soċjali ġie wiċċ imb wiċċ ma’ verżjoni rock il-ġmiel tagħha tal-kanzunetta ‘Happy’ tal-kantant Amerikan Pharrell Williams. Liema kanzunetta daqqha ħabib tiegħu, il-kitarrist Chalie Muscat.

Filwaqt li l-verżjoni tas-Sur Muscat niżlitlu għasel, is-Sur Grech issuġġerielu jkompli jżewwaq il-kanzunetta billi jżidilha l-kant mal-melodija. Għall-ewwel, lis-Sur Muscat qallu biex jara jirnexxilux isib ‘il xi ħadd li jista’ jagħtih daqqa t’id. Imbagħad, is-Sur Grech donnu tħajjar u qallu biex jagħmluha flimkien.

Iż-żewġ artisti daħlu għaliha b’ruħhom u b’ġisimhom. Flimkien, emendaw il-verżjoni rock kif meħtieġ b’tali mod li leħen Ivan jamalgama bis-sħiħ mal-melodija u jpaxxi ‘l-widna tal-pubbliku b’suċċess.

Fl-isfond tal-filmat tal-kanzunetta, il-kantant tal-grupp Winter Moods stqarr fuq Facebook li minħabba l-perjodu straordinarju li ninsabu fih il-vidjo mużikali tal-kanzunetta kellu jkun magħmul minn għadd ta’ filmati maħdumin mid-dar.

Lis-Sur Grech il-limitazzjonijiet tal-mument qajla xekkluh. Il-kantant ikkuntattja ftit ħbieb tal-qalb tiegħu u lkoll minn darhom irnexxielhom ifasslu filmat mill-aktar ħelu msejjes fuq kull xorta ta’ żfin u kant riżultat tar-ritmu mgħaġġel tal-kanzunetta li bla ma trid inissillek tbissima.