Lokali
“Xena makabra li timpressjonak” – raġel li ra lill-Pulizija jitkaxkar u jitgħaffeġ

Ħaddiem li dalgħodu ra lill-kuntistabbli Simon Schembri jiġi mkaxkar u mgħaffeġ minn karozza f’Ħal Luqa qal li baqa’ impressjonat bix-xena makabra, u għalkemm ipprova jagħti l-ewwel għajnuna, kien se jħossu ħażin b’dak li ra.

Ix-xhud, li xtaq jibqa’ anonimu, qal lil TVM kif dalgħodu kienu għandhom kif bdew il-jum tax-xogħol, u wara xi nofsiegħa semgħu brejk qawwi u ħarġu barra. “Naraw karozza qed tiskiddja u ddur minn wara, laqtet il-bankina. Filwat li rajniha tolqot il-bankina ħareġ persuna minn taħt il-karozza li kien pulizija. Sadanittant ma kontx naf li hu pulizija,” qal ix-xhud.

Qal li mar jiġri fuqu biex jagħtih l-ewwel għajnuna u sakemm wasal ħdejh għafas in-numru tal-emerġenza fuq il-mobile. “Sakemm wasalt fuq il-pulizija idejh kienet litterament mingħajr laħam. Il-crash helmet kienet mittiekla tant kemm tkaxkar taħt il-karozza. Beda ħiereġ ħafna demm minn dahar il-pulizija u minn koxtu u saqajh.”

Ix-xhud kompla jgħid li x’ħin daret il-karozza, li kienet għaddejja b’veloċità esaġerata, reġgħet għaffġet lill-pulizija bir-rota ta’ wara.

“Ix-xena vera makabra, li timpressjona ruħek taraha,” sostna x-xhud. “Sadanittant pruvajt nagħti l-ewwel għajnuna lill-pulizija imma kien se jħossni ħass ħażin. Inġemgħu ħafna nies ukoll.”

Mistoqsi fejn kien il-pulizija meta seħħ l-inċident, qabel ma s-sewwieq kiser, ix-xhud qal li l-Pulizija kien imwaħħal mar-running board tal-karozza.

“Mal-art x’ħin ħriġna niċċekjaw fejn hu il-mutur tal-pulizija, tara splashes ta’ demm fejn tkaxkar il-pulizija u idejh ittieklet mal-art, tant kemm kaxkru mal-art,” kompla jgħid ix-xhud.

Fil-fatt huwa lanqas induna mill-ewwel li kien pulizija. “Jien indunajt li kien pulizija, għax ħwejġu tqattgħu, fuq sidru kellu pulizija miktub u kien baqa’ ftit minna tidher. Infatti bgħatt lill-emerġenza u għidtilhom ibgħatu lil xi ħadd malajr u dan pulizija tat-traffic.”

Ix-xhud jgħid li baqa’ impressjonat b’din ix-xena. “Xokk kbir għalija, bqajt impressjonat u se nibqa’ niftakarha għal għomri… makabra, ħadd ma jistħoqqlu hekk.”

Aħbarijiet Oħra
Turiżmu

Jekk kont qed issiefer u tagħżel li toqgħod f’Airbnb hemm ċans li se tara bosta tibdiliet dalwaqt.  Dan għax qed jinkisru bosta regoli Ewropej tal-konsumatur tant li l-Kummissjoni Ewropea talbet…

NGOs

Il-LifeCycle (Malta) Foundation qed tappoġġa b’mod finanzjarju soluzzjoni sofistikata ta’ software installata fit-Taqsima tal-Kliewi fl-Isptar Mater Dei. Imsejħa Traccia, is-software jgħin biex “iqabbel” u jiddetermina bi preċiżjoni għolja l-kompatibiltà tal-organu…

Kronaka

Raġel ta’ 41 sena tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà meta kien qed jgħum fil-bajja ta’ Kemmuna. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1.00 ta’ waranofsinhar fil-Blue Lagoon. TVM infurmat li r-raġel,…

Aktar