X

Xeni simili għal dawk ta’ gwerra f’bosta stati fl-Amerka

Story Published

Fis-sigħat li għaddew reġa’ kien hemm protesti vjolenti fl-Istati Uniti fosthom qrib il-White House, li tqanqlu mill-qtil ta’ George Floyd.

Diversi bliet ordnaw lir-residenti biex ma joħorġux mid-djar, iżda ħafna dimostranti injorawhom u spiċċaw ġew fl-idejn mal-forzi tal-ordni waqt li vetturi tal-pulizija ngħataw in-nar u bosta ħwienet spiċċaw fil-mira ta’ vandali li daħlu jisirqu minnhom. L-uffiċjal tal-Pulizija li qatel lil dan iċ-ċittadin Afro-Amerikan ġie trasferit f’ħabs ta’ sigurtà ogħla u se jibda proċeduri fil-qorti l-ġimgħa d-dieħla, minflok illum kif kien tħabbar qabel.

Ftit tal-ħin ilu, il-President Donald Trump appella lill-gvernaturi tal-istati biex jiddominaw il-protesti u lill-uffiċjali tal-infurzar biex jaġixxu b’aktar qawwa.

Għas-sitt lejl konsekuttiv, l-Istati tal-Amerika ma baqgħux uniti. Madwar il-pajjiż komplew l-aktar protesti razzjali mqanqla u vjolenti sa mill-qtil ta’ Martin Luther King fl-1968.

Ir-rabja bdiet it-Tlieta li għadda wara li nħareġ filmat tal-Afro-Amerikan, George Floyd qed jiġi arrestat bil-forza minn pulizija abjad. Floyd ta’ 46 sena miet waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija.

Fi kważi erbgħin stat ġew imposti curfews li madankollu ġew injorati. Mijiet ta’ dimostranti ħarġu jipprotestaw xorta u fi bliet bħal New York, Philadelphia, Chicago, Los Angeles u quddiem il-White House, it-toroq spiċċaw simili għal dawk fi gwerra b’vandaliżmu fosthom fuq vetturi tal-pulizija, kaos, ġlied, serq mill-ħwienet u konfrontazzjoni mal-forzi tal-ordni.

F’ħafna bliet, il-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet sparaw il-gass tad-dmugħ biex jippruvaw iferrxu lid-dimostranti.

Il-gwardja nazzjonali tal-Istati Uniti, li sservi bħala riżerva għall-emerġenzi, intalbet tassisti b’5,000 membru fi 15-il stat u f’Washington DC fejn il-folol inġabru jqabbdu nirien u jgaraw ġebel lejn l-uffiċjali tas-sigurta’ qrib il-White House.

Kmieni dalgħodu f’Washington DC bdiet ħidma ta’ tindif u ordni wara l-ħerba li ħallew id-dimostranti mal-lejl. Ġie rrappurtat li riżultat tal-protesti, il-President Donald Trump ġie skortat f’bunker taħt il-White House u qatta’ kważi siegħa iżolat filwaqt 60 uffiċjal tas-servizz sigriet li kienu barra indarbu bit-tfigħ tal-ġebel, flixken, logħob tan-nar u oġġetti oħrajn.

Kuntrarju għax-xeni ta’ ħerba ta’ matul il-lejl, filgħodu f’Times Square fi New York saret protesta paċifika.

Is-Sindku ta’ New York, Bill De Blasio, qal li se ssir investigazzjoni indipendenti filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija fl-istess belt qal li m’hemmx lok għall-vjolenza. “There will be accountability, there’ll be accountability also on the side of the protesters.”

Related Post