Lokali
X’films mistennija joħorġu din is-sena?

Wara sena ta’ diżappunti għat-teatri taċ-ċinema ġarrbu, l-industrija tal-films tittama li din is-sena firxa ta’ eroj minn bdoti aerobatiċi għal kreaturi li jipposedu kwalitajiet sopranaturali, u r-ritorn tal-ispija famuż Ingliż James Bond, se jgħinu biex tirkupra.

Fil-fehma tal-kritiku tal-films Mario Azzopardi, il-film ġdid ta’ James Bond No Time to Die; F9: Fast and Furious 9;Top Gun Maverick, Matrix 4, Black Widow u l-film l-ġdid ta’ Spiderman huma fost il-films l-aktar mistennija għas-sena l-ġdida.

“Imbagħad hemm il-films tal-Marvel għandhom 4 films, għandek il-films tad-DC Comics li ġenenralment immoru tajjeb ukoll jien ċert ukoll li anki West Side Story anki minħabba li jġib ħafna memorji u anki l-fatt li r-remake huwa ta’ Stephen Spielberg”.

Hu rrimarka iżda li bħalissa kważi żewġ terzi tat-teatri taċ-ċinema għadhom magħluqa f’uħud mill-iżjed swieq importanti għall-industrija tal-films bħall-Istati Uniti u l-Kanada.

“X’se jiġri jekk il-ħajja li qed ngħidulha normali ma terġax tiġi lura fis-sena u films bħal No Time to Die, Fast and Furious 9 jerġgħu jiġu posposti għal darba oħra wara li dawn kellhom joħorġu f’April u Mejju tas-sena l-oħra?”

Is-Sur Azzopardi qal li bidla ewlenija effett tal-pandemija kienet il-mod kif il-konsum u l-wiri tal-films mexa mit-teatri għad-djar, bl-operaturi tal-industrija tal-films jbiegħu id-drittijiet tal-films biex ikunu streamjati fuq pjattaformi online. Qal li qatt daqs l-2020 ma kien hemm films li ntwerew b’dan il-mod.

“Irridu naraw kif se jgħixu flimkien it-teatri fejn jintwerew il-films u l-istreaming services għax naturalment in nies qed jidraw jaraw il-films id-dar, din tfakkarni ftit fil-battalja li kellhom is-sidien tat-teatri mat-televizjoni way back fis-snin ħamsin meta ovvjament kulħadd kien jgħid li t-televiżjoni se jeqred lit-teatri”.

Is-Sur Azzopardi qal li anki l-istaġun tal-oscars se jkun differenti din is-sena, biċ-ċerimonja tal-oscars titmexxa ‘l quddiem għal April, l-istess bħalma se jagħmlu ċerimonji oħra li jippremjaw l-aqwa films bħall-Golden Globes u l-Baftas.