Lokali
X’għandek tagħmel meta persuna tifga fl-ikel?

Għalkemm huwa rrakkomandat li wieħed jieħu kors tal-ewwel għajnuna biex ikun midħla sew ta’ kif jista’ jgħin lil xi ħadd li jkun qed jifga fl-ikel, persuna tista’ tagħti l-ewwel għajnuna lil xi ħadd li jixraq fl-ikel billi tagħmel għadd ta’ manuvri.

F’kummenti ma’ tvm.com.mt it-tabiba u eks radjografa Dr Georgiana Farrugia Bonnici qalet li tista’ tagħti l-ewwel għajnuna lil min ikun qed jifga fl-ikel billi:

  • Tbaxxi ras il-vittma ħarira ‘l isfel u tagħti ħames daqqiet f’nofs dahar il-persuna.

  • Tiċċekkja ħalq il-vittma biex tara jekk hemmx biċċiet tal-ikel li qed jidhru.
  • Jekk l-ewwel attentat ifalli wara ħames darbiet, għamel il-Heimlich Maneuver – oqgħod wara l-vittma, għamel idejk f’forma ta’ ponn ġo xulxin u għafas ‘il fuq u ‘l ġewwa fuq il-qadd taħt il-kustilji.

  • Irreferi lill-vittma għal aktar assistenza medika.

Dr Farrugia Bonnici spjegat li wieħed jista’ jintebaħ li persuna qed tbati biex tieħu n-nifs meta tisgħol, ma tkunx tista’ titkellem sew jew tibda żżomm għonqha biex tipprova taqla’ l-biċċiet tal-ikel li jkunu weħlu fil-pajp tan-nifs, kif ukoll meta tisma’ ħsejjes ta’ tħarħir jew tisfir ġejjin mill-gerżuma. Żiedet, li meta persuna tkun ilha ftit minuti b’nuqqas ta’ ossiġnu, il-kulur tal-ġilda jibda jkanġi lejn il-blu, u l-vittma tista’ anki tintilef minn sensiha.

Għal aktar tagħrif dwar is-saħħa ħolistika tista’ żżur dan is-sit.