Lokali
X’hemm mistoħbi taħtna? Stallazzjoni artistika f’Hastings tiftaħ tieqa immaġinarja

Ingħata bidu għat-tielet edizzjoni tal-Malta International Art Weekend bl-inawgurazzjoni tal-opra tal-arti ‘Sea Cave’ fil-ġonna ta’ Hastings il-Belt Valletta.

L-istallazzjoni, kienet maħduma speċifikament għas-sit Malti mill-artista kontemporanja rinomata Cristina Iglesias.

Bl-isfond tal-kapitali warajha, l-istallazzjoni tiftaħ tieqa immaġinarja fuq is-sottoterran ġeoloġiku tal-kapitali, imżewwaq b’xogħol tal-bronż artikolat bil-lingwa distintiva tal-artista.

F’kummenti maċ-ċentru tal-aħbarijiet, Iglesias spjegat li din l-istallazzjoni toħloq esperjenza profonda fi spazju pubbliku, li għandha sservi wkoll għal riflessjoni.

“The main inspiration has been Malta being an island, the relation between the sea, the rocks, the sea caves, suggesting that there may be a connection with others and this also a way of playing with time and water, that I created a sequence. The notion of spending time looking.”

F’diskors tal-okkażjoni, iċ-Chairperson tal-Ispazju Internazzjonali Malti għall-Arti Kontemporanja MICAS, Phyllis Muscat, iddiskriviet din l-arti bħala esperjenza artistika.

“Tistiednek tingħaqad mal-memorji u l-ħin, ma’ dak li hemm madwarna u ma’ dak li possibilment hemm mistoħbi taħtna. Hija qalet li din kienet l-ewwel attività tal-MICAS mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn u li minkejja l-isfidi li ġab miegħu dan il-perjodu, MICAS irnexxielha tibqa’ għaddej fil-ħin mal-iskeda intensiva ta’ xogħlijiet ta’ restawr u kostruzzjoni li se jwasslu għall-ftuħ tal-MICAS Galleries fl-2022.”

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera, iddeskriva x-xogħol ta’ Iglesias bħala arti li tipprovoka l-ħsieb u li ssaħħar lill-udjenza filwaqt li faħħar il-mod kif dan il-proġett joffri lill-pubbliku aċċess dirett għall-arti kontemporanja internazzjonali fis-sit storiku tal-ġonna ta’ Hastings.

Sea Cave (Entrance) hija akkwist nazzjonali li se tkun aċċessibbli għall-pubbliku fil-ġonna ta’ Hastings għas-sentejn li ġejjin. Din l-opra t’arti eventwalment se tkun rilokata fil-MICAS Sculpture Garden ladarba l-binja tkun lesta.