Safar
Xi drittijiet għandek jekk tħassritlek safra minħabba l-coronavirus?

Persuni li kienu qed jistennew biex imorru vaganza jista’ jkun li jibqgħu b’xiber imnieħer minħabba attivitajiet jew titjiriet li qed jiġu kkanċellati f’diversi pajjiżi bħala prekawzjoni kontra l-imxija tal-coronavirus.

F’dan ix-xenarju, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qed tfakkar lill-pubbliku dwar id-drittijiet tiegħu f’din l-eventwalità.

Għal xiex int intitolat jekk il-pakkett ta’ vjaġġar se jiġi milqut?

L-awtorità spjegat li jekk konsumatur ibbukkja pakkett tal-ivjaġġar li ġie affettwat b’mod sinifikanti, bħal pereżempju btala mixtrija biex imur għal avveniment sportiv li ġie kkanċellat, btala bħal din titqies bħala waħda “mibdula b’mod sinifikanti”. Meta jiġri dan, ir-Regolamenti dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar u Arranġamenti tal-Ivvjaġġar Marbuta jagħtu d-dritt lill-konsumatur li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas għat-terminazzjoni, u jitlob rifużjoni sħiħa mill-organizzatur tal-vjaġġ.

F’dawn il-każijiet, il-konsumaturi għandhom id-dritt għal rifużjoni sħiħa fi żmien 14-il jum, irrispettivament minn kwalunkwe termini u kundizzjonijiet miftehma fil-kuntratt tax-xiri li jistgħu jipprojbixxu dawn ir-rifużjonijiet. Il-konsumatur madankollu mhux intitolat li jitlob kumpens addizzjonali.

Jekk l-organizzatur itemm il-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u jinnotifika lill-konsumatur qabel il-bidu tal-pakkett, il-konsumatur huwa intitolat ukoll għal rifużjoni sħiħa iżda għall-ebda kumpens addizzjonali.

X’jiġri jekk tkun int li tħassar is-safra minn jeddek?

Il-konsumaturi li jiddeċiedu li jikkanċellaw il-pakkett tal-ivvjaġġar, li jista’ jitwettaq bis-sħiħ mingħajr it-tnaqqis tal-partijiet sinifikanti tal-programm tal-vjaġġ oriġinali, mhumiex intitolati li jitolbu rifużjoni sħiħa.

F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-konsumaturi jistgħu jintalbu jħallsu miżata ta’ terminazzjoni xierqa u ġustifikabbli lill-organizzatur.

X’kumpens tista’ tieħu jekk titħassarlek it-titjira?

Id-drittijiet attwali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ titjiriet ikkanċellati japplikaw ukoll f’każijiet jekk it-titjiriet jiġu kkanċellati minħabba ċirkostanzi straordinarji bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar.

Madankollu f’dawn il-każijiet il-passiġġieri affettwati jistgħu biss jitolbu rifużjoni jew rotta mill-ġdid iżda mhux kumpens.

Għal iktar informazzjoni u assistenza dwar id-drittijiet tagħhom, il-konsumaturi jistgħu jikkuntattjaw l-MCCAA fuq [email protected] jew fuq freephone 8007 4400.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

81 persuna ġew immultati llum wara li nqabdu fi gruppi t’aktar minn 3 persuni. B’kollox il-multi ammontaw għal €8,100 f’inqas minn 24 siegħa. Dawn il-miżuri ttieħdu mill-Gvern biex tiġi kkontrollata…

COVID-19

Illum mal-14 il-każ li ġew ikkonfermati bil-Coronavirus illum żdiedu 8 oħra li kollha ġejjin miċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Dan ġie kkonfermat waqt konferenza stampa li saret tard filgħaxija. Is-Supertendent…

COVID-19

Wara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbru li r-residenti taċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far jinsabu fi kwarantina, huma ressqu appell għal min…

COVID-19

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tliet pazjenti oħra fiequ mill-COVID-19. Dan ifisser li s’issa fiequ 5 persuni. Huwa ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet. Aktar dettalji fil-ħin li ġej.  

Aktar