Artiġjanat
“Xi ħaġa mejta kapaċi nagħtiha l-ħajja” – artist Għawdxi joħloq ġmiel ta’ skulturi

It-talenti artistiċi u l-ħila ta’ idejn skultur mix-Xagħra huma diversi xogħlijiet fl-injam, l-irħam u materjali oħra li jinsabu esebiti sal-Ħadd li ġej f’waħda mill-ewwel wirjiet ta’ arti f’Għawdex mindu l-pandemija battiet.

L-artist Għawdxi Mario Agius stqarr li f’biċċa ġebla, irħama jew zokk ta’ siġra jara xi ħaġa ħajja u jikkunsidraha bħala figura. Hu b’dan l-ispirtu li s-Sur Agius jidħol għal biċċa xogħol ġdida ta’ skultura li teħodlu ż-żmien biex ilesti, iżda daqstant ieħor tagħtih ħafna sodisfazzjon.

Fl-aħħar xhur l-artist stinka qatigħ u lesta għadd ta’ xogħlijiet li qed jesebixxi f’wirja bl-isem “Reflections” fil-Mużew il-Ħaġar, fil-qalba tal-belt Victoria f’Għawdex.

“Riflessjoni hi esebizzjoni ta’ riflessjoni tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Xi tfisser riflessjoni? Il-ħajja, il-mewt, it-tbatija, il-ferħ li jien noħloq minn zkuk mormija, minn ġebel li nsibu mormi, li kapaci noħloq in-natura. Nagħtih il-ħajja. Jien f’xi ħaġa mejta kapaci nagħtija l-ħajja…il-ħajja bl-iskultura.”

Qal, li l-aktar li jaffaxxinah hu l-injam taż-żebbuġ u ġab l-eżempju tal-kurċifiss li qal jaħdmu minn zokk wieħed fosthom anke l-idejn li jiskolpi mill-istess tgħawwiġa tal-fergħa.

Mario Agius studja l-iskultura u d-disinn f’Malta u barra.