MEUSAC
Xi jfisser Jum l-Ewropa?

“Għal ġenerazzjoni wara l‑oħra, l‑Ewropa dejjem kienet viżjoni ta’ futur”.

Hekk tibda l-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea fl-2017, dokument li jħeġġeġ liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar ix-xenarji differenti li l-Unjoni qed tiffaċċja.

Hekk kif nhar id-9 ta’ Mejju nfakkru ‘Jum L-Ewropa’, din il-frażi tgħinna nħarsu ’l quddiem, b’moħħna fuq dak li ksibna u l-preżent li qed ngħixu fih.

Minn fejn nibtet l-idea għal ‘Jum L-Ewropa’?

Lura għad-9 ta’ Mejju 1950, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż Robert Schuman kien għamel dikjarazzjoni favur “il-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar”, fejn “il-membri tagħha kellhom jiġbru flimkien il-produzzjoni tal-faħam u l-azzar tagħhom”.

Ma ninsewx li t-Tieni Gwerra Dinjija kienet ilha biss ħames snin li spiċċat, u li kemm il-faħam u kemm l-azzar kienu riżorsi estremament importanti għall-gwerra. Għalhekk, id-dikjarazzjoni wittiet it-triq għal koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Ewropa, li minnufih wasslet ukoll għal iktar stabbiltà u għall-paċi bejn il-Membri li għadna ngawdu sal-lum.

Propju minħabba dan il-fatt, fl-1985, il-Komunità Ewropea għażlet li tibda tikkommemora d-9 ta’ Mejju bħala ‘Jum l-Ewropa’.

L-Ewropa li writna

Mill-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar għall-Unjoni Ewropea tal-lum, saru bidliet ekonomiċi, demografiċi u soċjali kbar, kemm fid-dinja u kif ukoll fil-kontinent Ewropew.

Illum il-ġurnata, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea qed jaħdmu flimkien f’oqsma varji. Mill-impjiegi, għad-drittijiet soċjali, mill-protezzjoni tad-drittijiet umani, għal suq Ewropew dejjem aktar kompetittiv. L-għan ewlieni hu li l-Unjoni Ewropea tikseb aktar suċċessi għaċ-ċittadini tagħha.

Madankollu, l-Unjoni qed taffaċċja wkoll diversi sfidi li sfortunatament juru wkoll li ċertu diverġenzi fil-ħsieb bejn l-Istati Membri jaffettwaw ir-relazzjonijiet ta’ bejnietom.

Ta’ min insemmu s-saga tal-Brexit, li bħala każ uniku fl-istorja tal-Unjoni Ewropea, qed juri kemm tassew l-Unjoni tqanqal diversi emozzjonijiet fost iċ-ċittadini tagħha.

Minkejja li wieħed jista’ ma jaqbilx mar-riżultat tar-referendum, il-fehma taċ-ċittadini Brittaniċi m’għandhiex tintefa’ taħt it-tapit, hekk kif l-Unjoni Ewropea tista’ timxi ’l quddiem biss jekk titgħallem minn din il-ġrajja storika u mill-kritika li ssirilha.

L-immigrazzjoni hi tema oħra li turi d-differenza fil-ħsieb bejn l-Istati Membri. Minkejja li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex il-jedd komplut li tidħol fil-fond ta’ kif il-Membri jindirizzaw din it-tema, ċertu pajjiżi, fosthom Malta stess, użaw il-forum li toffri l-Unjoni Ewropea sabiex jinstabu diversi kompromessi dwar l-immigrazzjoni u s-salvataġġi fil-baħar Mediterran.

Minkejja li fi sfidi bħal dawn, l-avvanzi ġieli jkunu limitati, id-diskussjonijiet li jsiru fl-Unjoni Ewropea jfakkruna li fil-passat, l-Unjoni appuntu offriet alternattivi għall-isfidi li ffaċċjat. It-triq ’il quddiem dejjem instabet bid-djalogu biex jinstabu s-soluzzjonijiet u opportunitajiet.

L-Ewropa li se nħallu

Irridu niżguraw li l-benefiċċji li ngawdu minnhom illum, igawdu minnhom ukoll il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Hu tajjeb li nħarsu lejn il-futur, però ma nistgħux ninsew il-preżent li rridu ngħixuh billi nagħtu sehemna biex nissalvagwardjaw il-futur.

Ftit iktar minn ġimagħtejn wara ‘Jum L-Ewropa’, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea se joħorġu jivvutaw fl-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan hu l-unika istituzzjoni fejn permezz tal-vot, iċ-ċittadini għandhom sehem dirett fl-għażla tal-membri tal-Parlament Ewropew.

Għaldaqstant, l-importanza ta’ dawn l-elezzjonijiet ma jistgħu qatt ikunu sottovalutati, hekk kif l-għażliet li se nagħmlu bħala ċittadini, se jaffettwaw il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Għada, l-Ħamis 9 ta’ Mejju, bejn id-9am u s-1pm nistednuk tasal wasla sa Pjazza Ħelsien, il-Belt Valletta fejn se tittella’ attività li fiha tista’ tiltaqa’ ma’ numru kbir ta’ servizzi marbuta mal-UE. Tista’ tiltaqa’ ma’ nies li joffru dawn is-servizzi u tistaqsihom il-mistoqsijiet tiegħek. Matul l-attività se tingħata wkoll informazzjoni dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew flimkien ma’ xi kotba.

Il-fiera se tkun organizzata mill-Europe Direct Valletta permezz tal-MEUSAC, flimkien mar-Rappreżentanza għall-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.

 

Tagħrif miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ħabta bejn quad bike u vettura fit-Telgħa t’Alla u Ommu waslet biex tingħalaq it-triq li tagħti għal Buġibba. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.15am. Il-kundizzjoni u l-identità tan-nies involuti għadha mhix magħrufa.

Lokali

Hekk kif il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’kumment telefoniku waqt xandira diretta fuq TVM, qal li skont ċifri proviżjonali, id-distakk huwa ta’ 17%, li jammonta għal differenza ta’ madwar 45,000 vot…

Elezzjoni

F’kumment telefoniku waqt xandira diretta fuq TVM, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-riżultat proviżorju tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jirrifletti l-ikbar distakk politiku fl-istorja tal-pajjiż. Qal li skont figuri proviżjonali, id-distakk…

Lokali

L-ewwel indikazzjonijiet qed juru li hemm distakk ta’ madwar 45,000 bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, bil-Partit Laburista li jinsab minn fuq. Iktar kmieni kien irrappurtat li d-distakk huwa ta’…

Aktar