Xi jwassal uħud li jitilfu l-boxxla fil-pubbliku jew online?

Nisimgħu ħafna drabi bl-iżvilupp u l-avvanz li sar fil-ħajjiet tal-Maltin u l-Għawdxin, biss ma nistgħux ngħidu li ma jeżistux persuni li għadhom isofru minn xi tip ta’ faqar. Meta nitkellmu dwar faqar, ħafna mid-drabi naħsbu dwar faqar ekonomiku, biss jeżistu forom ta’ faqar oħra li ftit nitkellmu dwarhom bħal ma hu l-faqar edukattiv, il-faqar ta’ għixien san u dak li jirrigwarda kommunikazzjoni tajba.

‘Popolin’ analizza l-komunitajiet Maltin u l-modi varji kif forom ta’ faqar differenti qiegħed jimmanifesta ruħu fi żmien preżenti. Rajna ħafna drabi filmati fuq il-midja soċjali li juru numru ta’ individwi f’argumenti jaħarqu. Argumenti li jwasslu għall-ġlied bl-idejn u l-intervent tal-pulizija. X’ġara biex donnu tlifna l-kapaċità li nitkellmu u nirraġunaw bħan-nies?

Tkellimna mal-psikoterapista Stephen Vassallo li spjega li r-rabja minna nnifisha hija emozzjoni naturali li tinħass minn kull wieħed u waħda minna. Biss individwu irid jgħarraf kif jesprimi r-rabja li jkollu; “meta naħdmu fuq sitwazzjonijiet ta’ anger management naraw minn fejn tkun ġejja din ir-rabja, jekk hijiex problema ta’ karattru jew jekk hemmx sitwazzjonijiet ulterjuri li qed iwasslu lil persuna taġixxi b’dan il-mod”. Żied jgħid li parti minn xogħolhom hu li juri lil dawn il-persuni metodi oħra ta’ kif għandhom jesprimu r-rabja tagħhom b’mod assertiv mingħajr ma jkun konfrontattiv.

Huwa tenna li kull każ irid jiġi analizzat b’mod individwali biss kull persuna tista’ ssib mod kif tikkontrolla r-rabja filwaqt li b’mod assertiv tikkomunika u twassal il-punt tagħha.