Stejjer Umani
“Xi kultant biex tagħti s-servizz titlef il-flus imma l-aqwa li tkun tajt is-servizz!”

Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus. B’paga tajba, x’aktarx li dak li jkun jgħix aktar komdu. Madanakollu, il-flus u l-materjaliżmu mhux kollox fil-ħajja. Tony Muscat, magħruf bħala l-Banis huwa xempju liema bħalu ta’ kif dak li jkun lil hinn minn dak li jdaħħal fil-but għandu jgħix bi tbissima fuq fommu anki meta jkun mehdi b’xogħlu.

Il-Banis, il-baħar, il-mimmi t’għajnejh. Dejjem, bejn sema u ilma. Meta kien għadu ħalib ommu fi snienu, il-Banis kienet l-hena tiegħu jterraq qalb il-bċejjeċ tal-baħar max-xatt ta’ San Ġiljan.

F’kummenti lil tvm.com.mt il-Banis stqarr li ta’ sitt snin ta’ tifel li kien diġà kien jinżel jilgħab f’baħar żejt b’tank tal-45 gallun maqtugħ min-nofs. Mal-medda tas-snin, in-namra għall-baħar fih kibret ġmielu. Stqarr, li fil-15 ta’ Lulju li għadda għalaq 50 sena minn mindu beda jagħmel għadd ta’ vjaġġi minn u lejn Kemmuna. Qal, li hu kien il-moħħ wara t-tali rotta li fix-xhur tas-sajf tiġbed lejha eluf ta’ turisti.

Minkejja l-età, il-Banis għadu jarmi s-saħħa. Fost l-oħrajn, stqarr li l-hena tiegħu jagħmilha man-nies. Tant hu hekk, li kemm domna ngħidu kelma miegħu, lanqas waqaf isellem lil dawk abbord id-dgħajjes tagħhom. Qal, li anki jekk kultant ikun jaf li se jmur minn taħt, lill-klijent jaqdih dejjem minn qalbu.

https://www.facebook.com/TelevisionMalta/videos/2727398177491605/