Ambjent
Xi speċi ta’ ħut jgħixu fl-ibħra ta’ madwarna?

Bil-għan li Malta jkollha stampa iktar ċara dwar l-ispeċi tal-ħut li jgħix fl-ibħra ta’ madwarna, dan l-aħħar sar stħarriġ dwar il-ħut tal-qiegħ il-baħar. Dan l-istħarriġ mistenni jpoġġi lill-entitajiet konċernati f’pożizzjoni aħjar biex ifasslu policies aħjar għas-settur tas-sajd.

F’dawn l-aħħar ġimagħtejn sar l-istħarriġ bl-isem ta’ Mediterranean International Trawl Survey, li skont id-Direttur tas-Sajd, Alicia Said, analizza aħjar it-tipi ta’ ħut b’mod partikolari id-daqs u l-piż tal-ispeċi li hawn jgħixu fl-ibħra Maltin.

Alicia Said qalet “il-Mediterranean International Trawl Survey fih qegħdin nistudjaw il-ħut tal-qiegħ, jew il-ħut demersali, li għandna kemm fil-25 mil u ‘l barra minnu sabiex inkunu nistgħu nistudjaw aħjar it-tipi ta’ ħut, l-abbundanza tagħhom, sabiex inkunu nistgħu noħorġu statistika biex tifforma aħjar il-policies li aħna noħorġu għas-settur tas-sajd.”

Il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo, qal li informazzjoni bħal din li toħroġ mir-riċerka fuq il-ħut li jinsab fil-qiegħ tal-ibħra Maltin tgħin biex Malta tkun tista’ tibgħat din l-informazzjoni anke f’fora oħra Ewropej.

Dr Anton Refalo qal “biex timxi ‘l quddiem u jkollok settur sostenibbli hemm bżonn li jkollok riċerka biex inti tkun taf fejn sejjer sew għal livell ta’ innovazzjoni, u tkun taf ukoll dan is-settur kif se tagħmlu iktar b’saħħtu.”

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li l-fondi Ewropej huma bżonnjużi f’kull settur u sostna li fil-qasam tas-sajd ukoll hemm il-ħtieġa ta’ riċerka.

Dr Zrinzo Azzopardi qal “fil-fatt se jiġu investiti fit-totalita’ ta’ dan ir-riċerka madwar 5 miljun ewro li hu importanti biex nifhmu aħjar dawk li huma l-ħtiġijiet ta’ dan is-settur, ir-realtajiet li jiffaċċjaw dawk kollha involuti f’dan is-settur għax fl-aħħar mill-aħħar irridu naraw li jsir l-investiment u l-ħarsien kollu meħtieġ biex dan is-settur nagħtuh l-għajnuna kollha meħtieġa.”

Din ir-riċerka saret b’ħames miljun ewro f’fondi Ewropej.