Lokali
Xi ssejħilhom in-nies mill-Belt Valletta – Beltin jew Vallettani?

Victor Scerri, terraq it-toroq tal-Belt fejn kompla jfittex u jiltaqa’ ma’ karattri – minn imħallfin sa karattri komuni tat-triq, li għamlu isem għalihom u għall-kapitali. Ghalkemm mhux belti mit-twelid, sar iħobb il-Belt Valletta tant li kien għalih jibda jissejjaħ Vallettani, mhux biss Belti.

Żeża tal-Flagship ma kinitx biss karattru f’kummiedja popolari ta’ Mikelanġ Borg. Lanqas ma kienet il-mara fuq ruħha żżejjed li kienet lesta tagħmel kollox għall-flus.

Tereża Dalli, kienet is-sid tal-Flagship Restaurant fil-Floriana; magħrufa għall-karattru ferrieħi u karitattiv; bil-popolarità tagħha jispira lil Borg biex juża isem il-beltija għal karattru teatrali fi produzzjoni li trattat it-tbaħrit.

Victor Scerri qal “peress li l-isem ta’ Żeża tal-Flagship kienet popolari uża dak l-isem għall-popolarita’ tal-pochade li kiteb”.

Tereża Dalli hija fost l-għexieren ta’ karattri u personalitajiet li rriċerka jew tkellem magħhom Victor Scerri. Is-Sur Scerri, li ilu 45 sena jgħix fil-kapitali kiteb dwar beltin minn kull oqsma tal-ħajja; minn akkademiċi, sa xandara u sportivi.

L-awtur, li semma r-riċerka tiegħu “Għeruq Vallettani”, qal li ma jaqbilx li n-nies tal-Belt, jissejħu Beltin.

Victor qal “kwalunkwe belt għandha l-isem tagħha. Għaliex Valletta m’għandniex inkunu kburin, għandna kemm iċċelebrajna l-Valletta 2018, m’għandniex inkunu kburin li ngħidu li aħna Vallettani?”

L-għalliema u awtriċi Leanne Ellul taħsibha mod ieħor. Qalet li l-kelma “Beltin” qabdet ġmielha u tirreferi speċifikament għar-residenti li għixu fil-Belt Valletta.

Leanne qalet “il-kelma Vallettani timxi fuq mudell ta’ kliem ieħor ukoll, bħalma ngħidu Misidjani, pereżempju, fl-istess waqt, għandna kelma: “Beltin” li diġà qabdet, qiegħda hemmhekk u kulħadd jaf li meta qed nirreferu għall-Beltin, fil-fatt ngħidu “Il-Beltin” – jiġifieri dawn mhux kwalunkwe beltin; hemm dak l-artiklu li jiddefinixxi li dawn huma nies tal-Belt Valletta.”

L-għalliema qalet li ma tarax għalfejn m’għandhiex tibqa’ tintuża il-kelma Beltin fit-taħdit u l-kitba.

Aħbarijiet Oħra
Unjoni Ewropea

Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin iħossu li l-pajjiż ibbenefika mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Stħarriġ tal-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa li sar mill-Parlament Ewropew li sar bejn Frar u Marzu juri li 91% tal-Maltin wieġbu li Malta…

Saħħa

Espert kliniku mill-NHS Ingliża beda jara l-pazjenti bl-ADHD u jiddiskuti ma’ konsulenti mediċi lokali bil-għan li jagħti pariri lid-Dipartiment tas-Saħħa dwar mediċini tal-ADHD. Tliet ijiem ilu d-Deputat Prim Ministru u…

Stejjer Umani

Mara li kienet toqgħod f’wieħed mill-appartamenti li ġġarrfu fi Gwardamangia rnexxielha ssalva minn traġedja u salvat ukoll il-ħajja ta’ residenti li joqogħdu fl-istess blokka. Missierha, Lawrence Gauci, kiteb fuq is-siti…

Lokali

Id-devoti tal-Madonna tal-Karmnu llum reġgħu raw il-kwadru inkurunat tal-Madonna tal-Karmnu f’postu fis-Santwarju Bażilika fil-Belt. Dan wara li għamel sena u nofs nieqes sakemm fuqu saru interventi ta’ restawr u konservazzjoni….

Aktar