X’inhu l-Erbgħa tat-Tniebri?

L-Erbgħa tat-Tniebri kien il-jum li jagħti bidu ta’ jiem fejn il-Knisja Kattolika tidħol f’perjodu tad-dlam hekk kif tfakkar il-ġrajja tal-passjoni u l-mewt ta’ Kristu.

Bħal-llum kienet issir tifkira fil-ġabra, b’talb magħruf bħala n-notturn li jfakkar in-niket ta’ Ġesu’ qabel il-passjoni. llum il-ġurnata qajla huma dawk li jafu b’dawn it-tifkiriet reliġjużi. Ħafna saħanistra jabbinaw l-Erbgħa tat-Tniebri, mat-tnabar, iżda dan m’għandux jaqsam. Il-Kelma tniebri ġejja mill-kelma Taljana tenebre li tfisser dlamijiet. Fl-imgħoddi bħala ġest li jirrappreżenta l-mument meta l-Appostli bdew jabbandunaw lil Kristu wieħed wieħed fil-ġnien tal-Getsemani, kienu jitfu x-xemgħat fil-knisja waħda waħda, b’konsegwenza ta’ hekk il-knisja kienet tiġi pjuttost imdalma.

L-aħħar kandilabru ma kienx jintefa’ iżda kien jiddaħħal fis-sagristija jew jitpoġġa fil-presbiterju biex minnu jinxtegħel il-blandun f’Sibt il-Għid. Fil-lokalità tan-Naxxar dan il-kandilabru għadu jintuża. Fil-fatt Jitpoġġa ħdejn il-monument li jissejjaħ Barabbas. F’din il-funzjoni kienu jitkantaw 14-il salm bl-aħħar wieħed jinqara miċ-ċelebrant u wara kienet issir it-tifkira tat-terremot, bin-nies li kienu jkunu għarkopptejhom, kienu jħabbtu mas-siġġijiet biex joħolqu speci ta’ terremot.

Diversi lokalitajiet għadhom jorganizzaw attivitajiet varji f’dan il-jum li lkoll huma marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa fosthom Ħaż-Żabbar li bħal llum issir il-pageant tal-Ġimgħa Mqaddsa, filwaqt li fil-Birgu ssir il-purċissjoni s-sewda, li fija jintuża relikwarju antik ħafna.