X’inhu l-impatt soċjali u ekonomiku li qed tħalli l-pandemija Covid19?

Wara li xxandret konferenza straordinarja mill-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela fejn ħabbar miżuri u restrizzjonijiet addizzjonali bil-għan li tiġi kkontrollata l-imxija tal-pandemija Covid19, f’edizzjoni speċjali ta’ ‘Popolin’ ġie diskuss u analizzat b’mod xjentifiku l-impatt soċjali kif ukoll dak ekonomiku li qed tħalli warajha din il-pandemija.

Fost diversi mistiedna, l-ekonomista Malcolm Bray spjega kif f’termini ta’ saħħa kull pajjiż fid-dinja ġie milqut minn din il-pandemija, b’riżultat ta’ dan kull pajjiż ġarrab xi forma ta’ ħsara ekonomika. L-impatt ekonomiku żdied minħabba kemm restrizzjonijiet li ttieħdu mill-pajjiżi kif ukoll minħabba nuqqas ta’ konsum li ġie rreġistrat, probabbilment minħabba s-sens ta’ inċertezza li ġabet magħha l-Covid19. L-ekonomija Maltija ħadet daqqa kbira għaliex ġie affettwat drastikament is-settur tal-esportazzjoni, dan jinkludi s-settur tat-Turiżmu.

Minn naħa tiegħu Keith Abela konsulent fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar tkellem fuq il-fatt li l-konsum taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kien iktar kawt, għalhekk il-Gvern għażel li joħloq inċentivi li jinkoraġġixxu n-nies ikomplu jdawwru l-ekonomija. “Huwa importanti li nżommu d-dixxiplina filwaqt li jkun hemm bilanċ bejn in-neċessitajiet tas-saħħa u dawk tal-ekonomija” tenna Abela.

Waqt kollegament telefoniku Dr Joseph Muscat tkellem fuq il-koerenza tal-poplu Malti. Flimkien ma Vincent Marmara agħmel studju xjentifiku fuq l-impatt tal-pandemija. Huwa spjega li studji bħal dawn jgħinu biex jittieħdu deċiżjonijiet iktar validi. Mistoqsi mill-preżentatur Quinton Scerri x’jaħseb li tista’ tkun is-soluzzjoni biex l-ekonomija Maltija terġa tqum fuq saqajha, Muscat qal li “s-soluzzjoni mihiex waħda, nemmen li għandna opportunità li pajjiżi oħra ma għandhomx”. Muscat spjega kif iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kienu bil-għaqal għalhekk il-banek Maltin għandhom ammont sostanzjali ta’ tfaddil. “Nemmen li jekk il-Gvern joħroġ b’inizjattivi ta’ bonds garantiti ikun qed jinċentiva lin-nies biex jinvestu. B’riżultat ta’ dan l-investiment, l-ekonomija tal-pajjiż terġa tqum fuq saqajha” tenna Muscat.

Erġa ara l-programm @Popolin hawnhekk:-