X’inhu l-impatt tal-logħob diġitali fuq il-psikoloġija ta’ min jilgħabu?

Waqt programm iffokat fuq il-logħob diġitali, ‘Popolin’ iddiskuta l-impatt tal-istess logħob fuq l-individwi li jilgħabu, kemm tfal kif ukoll kbar u l-psikoloġija tagħhom.

Steve Libreri, parentcoach tenna li kull tip ta’ logħob għandu impatt fuq il-psikoloġija tal-persuna speċjalment it-tfal; “l-intenzjoni soċjoloġika tal-logħob hija proprju li jikrea spazju għat-tfal, biex il-logħba tiġi laboratorju għal-ħajja”. Huwa qal li kull tip ta’ logħob b’xi mod jinfluwenzana. Dr. Lorna Muscat, Kap tal-Uffiċju Kummissarju għat-Tfal spjegat li l-impatt tal-logħob fuq it-tfal ikun wieħed negattiv meta t-tfal iqattgħu ħin twil, kultant anke esaġerat jilgħabu. Tkellmet ukoll fuq l-importanza lit-tfal ikunu osservati mill-ġenituri jew kustodji tagħhom waqt li jkunu qegħdin jilgħabu sabiex jiġi assigurat li l-logħob li qiegħed jintlab huwa addattat għal-età tat-tfal tagħhom.

Kersten Chircop, direttur ta’ kumpanija tal-logħob tenna li llum il-ġurnata l-logħob diġitali m’għadux jintlab biss mit-tfal, iżda l-età kibret u qed tinkludi wkoll persuni ta’ erbgħin sena. Spjega li min jaħdem professjonalment bħala plejer f’dan il-qasam, irid jieħu ħsieb ta’ saħħtu kemm b’mod fiżiku, kif ukoll mentalment bħal ma’ jagħmel kull tip ta’ atleta ieħor. Huwa saħaq li l-impatt tal-logħob fuq l-individwi jsir wieħed negattiv meta l-persuna tagħżel li tnaqqas prijoritajiet oħra biex tilgħab dan il-logħob diġitali. Eżempju ta’ dan huwa persuna li ma tiekolx jew ma torqodx biżżejjed biex tibqa’ tilgħab, jew ma toħroġx tissoċjalizza man-nies. Spjega li l-investiment f’dan il-qasam kiber bil-kbir tant li jeżistu kompetizzjonijiet li l-premju finali tagħhom ikun ta’ 30miljun dollaru. Bla dubju dan joħloq element ta’ stress fuq l-atleti u proprju għalhekk li jkollhom magħhom nutrizzjonisti u psikjatri biex jieħdu ħsieb is-saħħa u l-benessere tal-plejers.