Lokali
X’inhuma l-fatturi li se jiddeterminaw ir-riżultat tal-elezzjoni Amerikana?

Il-jum tat-tlieta ta’ Novembru għall-Istati Uniti huwa jum importanti hekk kif il-poplu se jkun qed jagħżel jekk iħallix lil Donald Trump fil-Presidenza jew inkella jelleġi lil Joe Biden. Jitla’ min jitla’ s-64 President tal-Istati Uniti se jkun l-iżjed President elett anzjan fl-istorja Amerikana.

F’intervista’ ma’ Daphne Cassar, li xxandret waqt il-programm TVAM, il-Professur Stephen Calleya, li jispeċjalizza fl-istudji diplomatiċi fl-Università ta’ Malta qal li erba’ snin ilu, l-Amerikani kienu diġà vvotaw għall-bidla meta għażlu lil Trump, wiċċ relattivament ġdid fl-isfera politika, fuq il-kandidata demokratika ta’ Hilary Clinton li kienet il-first lady Amerikana f’żewġ amministrazzjonijiet, u ex segretarju tal-istat fl-amministrazzjoni Obama.

Prof Calleya qal li dan huwa mument storiku għax l-elezzjoni qed issir fi żmien il-pandemija, fejn fost l-oħrajn saret kampanja differenti minn kif imdorrijin naraw. Qal li l-għadd ta’ nies li tilfu ħajjithom minħabba l-pandemija se jħalli effett fuq il-poplu li se jivvota.

“Il-pandemija tibqa’ esklussiva, għax hija l-ewwel darba li għandna elezzjoni f’ħajjitna fejn għandek każ bħal dan, u trid jew ma tridx tammetti għax mhux kulħadd itiha prijorità għax hija fuq il-front burner, kwistjoni ewlenija, għandek ukoll il-fatturi l-oħra tal-ekonomija, rule of law, u race relations, racial tensions”

Tista’ ssegwi l-intervista sħiħa mal-Professur Calleya hawn:

Intant aktar minn 90 miljun persuna diġà vvutaw fil-votazzjoni bikrija, biex b’hekk l-elezzjoni tal-2020 għandha waħda mill-ogħla rati ta’ votazzjoni fl-istorja tal-elezzjonijiet Presidenzjali tal-Istati Uniti.

TVAM jixxandar kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7am u d-9am.