COVID-19
X’inhuma l-‘kmandamenti’ biex ma xxerridx il-Covid-19 fid-dar?

Mill-bulettin mediku ta’ kuljum jirriżulta li parti sew mill-każi fejn jiġi stabbilit minn fejn ittieħed il-virus, dawn ikunu minn membri tal-familja tagħhom li kellhom jew għandhom il-covid.

Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, Paula Vassallo,  tagħti ftit pariri dwar x’għandu jsir f’dar fejn hemm każ pożittiv, biex il-virus ma jiġi trasmess minn persuna għal oħra fl-istess familja.

Kmandament għal persuna pożittiva bil-COVID-19 hu li tiżola lilha nnifisha minnufih f’kamra waħda. Dr Vassallo, spjegat li din il-persuna għandha kemm jista’ jkun tibqa’ fl-istess kamra tul il-perjodu ta’ kwarantina, anke biex tiekol.

”Il-banju jekk id-dar tippermetti jużaha huwa biss u anke bħala ikel importanti li jiekol waħdu f’din il-kamra, fis-sick room, u ma jikolx mal-familjari tiegħu. Importanti kemm jista’ jkun ma tħalli lil ħadd fil-kamra miegħek, ma torqodx inti mar-raġel jew mal-mara jew mal-partner tiegħek, importanti li torqod waħdek u kemm jista’ jkun tuża l-bathroom tiegħek stess.”

Saħqet li t-twieqi tal-kamra għandhom jinżammu miftuħa għal ventilazzjoni naturali tal-inqas għal siegħa kuljum.

Fi djar b’kamra tal-banju waħda, spjegat li l-persuna bil-Covid għandha tuża t-toilet u l-banju jew ix-shower l-aħħar, wara kulħadd, u tnaddaf warajha b’diżinfettant li jkun effettiv kontra l-viruses. It-twieqi tal-kamra għandhom jinżammu miftuħa.

”Jekk hu ma jkunx kapaċi jnaddaf il-banju jew il-kamra tal-banju importanti li min se jnaddafha jilbes l-inkwanti u l-maskra jiftaħ kemm jista’ jkun it-twieqi għall-ventilazzjoni naturali u jħalli ċerti żmien jgħaddi qabel ma jmur inaddaf.”

Dr Vassallo qalet li idealment tnaddaf dejjem l-istess persuna. Dwar il-ħasil tal-ħwejjeġ tal-persuna bil-virus, Dr Vassallo spjegat li dawn għandhom jitħallew f’basket għal 3 ijiem qabel jinħaslu. L-iskart ukoll għandu jitħalla għal mill-inqas 3 ijiem qabel jinħareġ barra u jitpoġġa f’borża oħra u tintrabat sew.

F’postijiet żgħar fejn il-persuna pożittiva bil-virus ma tistax iżomm biżejjed distanza minn persuni oħra, il-maskra għandha tintlibes ġewwa d-dar ukoll minn kulħadd.

Dr Vassallo żiedet li għalkemm l-evidenza dwar trażmissjoni tal-Covid-19 bejn il-bniedem u l-annimali domestiċi hija limitata, hu rakkomandat li min hu pożittiv għandu jevita li jkollu kuntatt mal-annimali. F’każ li wieħed m’għandux ma min iħalli l-annimali, għandu jaħsel idejh qabel u wara li jkunu f’kuntatt mal-annimali u jilbes il-maskra.

Għal min iħossu anzjuż u maqtugħ minn ħaddieħor, l-awtoritajiet jirrakkomandaw biex min ikun fi kwarantina mandatorja jibqa’ f’kuntatt mal-oħrajn bit-telephone jew online, jsegwi skeda regolari, jippjana l-ġurnata, jilimita l-konsum tal-kafè u jqatta’ ftit ħin fejn it-tieqa għad-dawl naturali.

F’dan iż-żmien m’għandhomx jitħallew viżitaturi fid-dar.