Lokali
X’ismijiet ma tistax tagħti lil uliedek f’Malta?

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, f’Malta ngħataw 1,200 isem differenti lil aktar minn 2,200 tarbija li twieldu f’dan il-perjodu. L-aktar popolari: Noah u Emma.

Ir-Reġistru Pubbliku hu marbut ma’ mumenti ewlenin fil-ħajja tal-persuna bħat-twelid, żwieġ u mewt.

Jekk nieħdu s-sena li għaddiet biss, ġew reġistrati f’Malta 4,400 tifel u tifla – 100 aktar mis-sena ta’ qabel. Il-maġġoranza tat-trabi kienu subien.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena twieldu aktar minn 2,200 tifel u tifla.

Vincent Sladden – Senior Manager tar-Reġistru Pubbliku – qal li f’dan il-perjodu ġew reġistrati 1,200 isem differenti.

L-aktar popolari kienu Noah, Liam, Jake, Thomas u Benjamin għas-subien u fost il-bniet spikkaw Emma, Ella, Martina, Julia u Valentina.

“Li wieħed jista’ jara matul is-snin hu li prattikament l-istess sitta/għaxar ismijiet ikunu popolari dejjem, l-istess kemm tal-bniet u anke tas-subien,” qal is-Senior Manager tar-Reġistru Pubbliku, Vincent Sladden.

Ir-reġistru pubbliku m’għandux lista ta’ ismijiet li ma jistgħux jingħataw lit-tfal, imma bil-liġi hemm ħames kriterji li l-ġenituri jridu jimxu magħhom: li l-isem ma jkunx iqsar minn tliet karattri; ma jkunx offensiv; ma jwaqqax lit-tarbija għar-redikolu; ma jkunx kunjom komuni u li ma jkollux simboli fih.

Is-Sur Sladden irrimarka li jkun hemm drabi meta r-Reġistru Pubbliku jkollu jiġibed l-attenzjoni tal-ġenituri li l-isem magħżul ma jsegwix dawn il-kriterji. Qal li dan iseħħ l-aktar meta ġenituri barranin jagħżlu isem li mhux addattat għal Malta.

“Ikun hemm ċirkostanzi u li nista’ ngħid li hija xi ħaġa sabiħa, li meta inti tiltaqa’ mal-ġenituri u tispjegalhom għalfejn, il-ġenituri japprezzaw immedjatament u ġieli jew dak il-ħin jiddeċiedu isem ieħor jew wara ġurnata jumejn jerġgħu jiġu l-uffiċċju u jgħidulna bl-għażla tagħhom,” qal is-Sur Sladden.

Is-Sur Sladden qal lil 1,400 koppja li din is-sena rreġistraw lill-uliedhom kienu t-tnejn Maltin, 550 koppja kienu mħallta – ġenitur Malti u ġenitur barrani, u 300 koppja barranija.

Spjega li l-ġenituri tat-trabi kollha li jitwieldu Malta għandhom 15-il ġurnata żmien mit-twelid biex jirreġistraw lit-tarbija mar-Reġistru Pubbliku.

Qal li llum hemm diversi mezzi kif din in-notifika ssir: fl-uffiċċju ta’ Identity Malta fl-isptar Mater Dei, fil-Binja Evans il-Belt, u issa wkoll fuq is-sit ta’ Identity Malta. Tista’ ssir bil-posta jew permezz ta’ email ukoll.

Dwar missirijiet li jkunu jridu jirreġistraw il-paternità ta’ uliedhom snin wara li jkunu twieldu, is-Sur Sladden qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi jimxu skont il-każ fuq pariri tal-avukati tar-Reġistru Pubbliku u jekk ikun hemm sentenza tal-Qorti, ir-Reġistru Pubbliku hu obbligat li jsegwi dik is-sentenza.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-WasteServ qalet li l-ġbir tal-ħġieġ għar-riċiklaġġ huwa amministrat minn żewġ skemi privati, li huma responsabbli li jiġbru ħġieġ segregat. Il-kumpanija qalet li avżat lil dawn l-iskemi li mhux se taċċetta…

Politika

Il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali skedata għal nhar il-Ħamis li ġej, biex tkun diskussa l-pożizzjoni ta’ Malta fl-isfond tal-pandemija Covid-19. Fi stqarrija maħruġa…

COVID-19

L-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw 16-il każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta wara li fl-aħħar 24 siegħa saru 1,502 swab test. B’hekk il-każi attivi ta’ Coronavirus f’Malta telgħu għal 215, hekk kif ħadd…

Immigrazzjoni

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li l-ħidma tal-Gvern wasslet biex minn Marzu ‘l hawn mat-3,000 immigrant irregolari twaqqaf milli jiġi f’Malta. Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, huwa qal li…

Aktar