Barranin
Xita rekord fil-Punent tal-Ewropa – jitilgħu għal 81 il-mejta fil-Ġermanja

Minn tal-anqas 81 persuna tilfu ħajjithom u mal-1,300 ruħ għadhom mitlufa fl-għargħar li ħakem partijiet sħaħ tat-Tramuntana tal-Ġermanja.

L-agħar stat Ġermaniż milqut huwa dak ta’ Rhineland-Palatinate. Fih biss, 50 persuna mietu kawża tax-xita rekord li għamlet matul dawn il-jumejn fil-Punent tal-Ewropa.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel wegħdet appoġġ sħiħ lill-vittmi ta’ wieħed mill-agħar għargħar li laqat lill-pajjiż.

Intant, f’kitba fuq Twitter il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen uriet solidarjetà sħiħa mal-pajjiżi milquta.

Fl-aħħar sigħat, apparti l-Ġermanja, anki l-Lussemburgu, l-Olanda u l-Belġju ntlaqtu minn temp estrem. Fil-Belġju, s’issa, tilfu ħajjithom 12-il persuna.