Ikel
X’jagħmel il-ftira Maltija differenti minn ħobż ieħor?

X’jagħmel lill-ftira daqstant speċjali u x’qed isir biex tiddaħħal fil-lista tal-UNESCO bħala wirt kulturali Intanġibbli?

Ftira friska u tqarmeċ imħawra jagħmlu l-ftira biż-żejt mill-aktar appetituża u mfittxija għal ikla ta’ malajr.

John Borg ilu għomru u żmienu jħawwar il-ftajjar bil-ġardiniera, il-basal, il-karotti, in-nagħniegħ, il-ħabaq, il-ħass, il-fażola, iż-żebbuġ u t-tonn taż-żejt fost oħrajn. Qalilna li l-ftira Maltija l-aktar li timxi.

“Ħafna ħafna. Jitolbuh ħafna l-ftajjar biż-żejt speċjalment ħdejn il-baħar, meta jmorru l-baħar jieħdu ħafna magħhom.”

Il-ftira Maltija hija fost il-prodotti lokali li għadha ssir bl-idejn u se tiġi proposta biex tiġi nkluża fil-lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli Dinji.

Dr Noel Buttigieg qal “il-proċess li jsir jinkludi li int trid tuża ħafna jdejk fosthom biex tiffurmha, biex tiċċattja, tneħħi l-gassijiet kollha li jkun hemm fil-ftira nnifisha, tagħmlilha dik it-toqba li nafu li ssir fin-nofs. Barraminhekk din tissajjar, pjuttost malajr, ma tiħux aktar minn 20 minuta u tissajjar ukoll f’forn li t-temperatura tiegħu tkun pjuttost għolja, f’dak il-każ totalment differenti mill-ħobż tal-Malti, hemm proċess partikolari għall-ftira nnifisha.”

L-istoriku Dr Noel Buttiġieġ kompla jgħid li l-ftira għandha storja twila li tmur lura għas-seklu 16. Huwa f’dan il-kuntest li qed tinġabar id-dokumentazzjoni biex il-ftira Maltija tidħol ma’ prodotti oħra bħal wirt intanġibbli. Qal li dan il-proċess mal-UNESCO ilu x-xhur li beda. Dr Buttigieg se jagħti taħdita fl-24 ta’ Jannar fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu dwar id-diversi aspetti storiċi, artiġjanali u kulinari tal-ftira Maltija.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Tnejn minn tliet karreġġjati lejn il-Belt kellhom jingħalqu wara ħabta fi Blata l-Bajda. Fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tan-12.30pm, hemm involuti xarabank u karozza ta’ struttur tas-sewqan. Fil-karozza kien hemm żewġ…

Lokali

Waqt il-ftuħ uffiċjali tal-maratona Oħloq Tbissima, f’Santa Venera, seħħ inċident żgħir fejn cameraman għal xi raġuni waqa’ minn fuq stand u qasam rasu. Il-President George Vella, li kien preżenti fuq…

Knisja Maltija

L-Għaqda Mużikali San Leonardu qed tilmenta minn deċiżjoni tal-Kurja li jinbidel kwadru tas-seklu 18 fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop ma’ kwadru ieħor ġdid. Fi stqarrija l-banda ta’ San Leonardu qalet li…

Aktar