Lokali
ARA: Xjentist Malti jagħmel sejba importanti dwar l-univers imbiegħed

L-aħħar sejba kbira dwar l-univers saret minn xjentist Malti, bl-iskoperta ta’ 100 galassja li tmur lura mat-tlettax-il biljun sena. L-iskoperta hija frott ta’ riċerka internazzjonali li ilha għaddejja erba’ snin mill-astrofiżiċista Joseph Caruana mill-Università ta’ Malta, bl-użu tal-iktar teleskopju avvanzat fid-dinja, li jinsab fiċ-Ċilì.

“Xi ħaġa ġdida f’dan l-istudju kien fil-fatt li użajna strument ġdid u innovattiv ħafna li għadu kemm ġie installat fuq dak li jissejjaħ il-‘very large telescope’ fiċ-Ċili,” qal Dr Caruana. “L-ewwel użajna l-‘Hubble telescope’ li ħafna mill-pubbliku sema’ bih, teleskopju li jinsab fl-ispazju, u użajnieh biex insibu numru ta’ galassji li jitfgħu dawl qawwi, imbagħad analizzajnihom b’dan l-istrument ġdid li għandna.”

Dr Caruana spjega li kellu aċċess għall-ewwel data ta’ dan it-teleskopju peress li ilu snin jikkollabora mat-tim li bnieh. Għal Dr Caruana l-istudju tal-galassji huwa intrinsikament marbut mal-bidu tal-univers.

“Oġġetti li kienu primittivi fil-passat issa ffurmaw il-galassji li naraw illum il-ġurnata, galassji bħal ma hija d-dar tagħna, il-galassja tagħna nsejħulha Milky Way… minn fejn ġiet il-galassja tagħna? Ġiet minn oġġetti bħal dawn li jingħaqdu flimkien u jiffurmaw strutturi iktar kumplessi tul iż-żmien,” fisser Dr Caruana.

L-istudju mmexxi minn Dr Caruana għadu kemm ġie aċċettat għall-pubblikazzjoni f’ġurnal awtorevoli internazzjonali, u se jkun ippreżentat f’Ottubru f’konferenza fil-Belt li għaliha se jattendu mal-mitt xjentist minn madwar id-dinja.

Dr Caruana spjega li l-Astronomija mhix xjenza magħluqa fiha nnifisha u tista’ tkun utli għal xjenzi oħra. Fosthom għax toħloq formuli matematiċi u teknoloġiji ġodda li spiss jintużaw f’oqsma oħra importanti bħall-inġinerija u l-mediċina.

“Fid-dinja tal-lum suġġetti bħal mhuma l-matematika, l-fiżika, u suġġetti tax-xjenza, qed isiru dejjem iktar importanti, u għalhekk l-istudenti li jkunu qegħdin jarawna jirrealizzaw li infatti hemm futur anki ġewwa Malta li jipprometti għal studenti bħalhom li jagħżlu din il-linja ta’ studju,” qal Dr Caruana.

L-astrofiżiċista Malti stqarr li l-interess tiegħu fl-univers nibet fi ċkunitu, iżda wera dispjacir li mhawnx ħafna żgħażagħ li jaqbdu din il-linja.

Aħbarijiet Oħra
Sigurtà

‘Il fuq minn ħamest elef atleta, żewġ terzi minnhom barranin, kienu fuq ix-xwiek biex għada, il-Ħadd filgħodu, jieħdu sehem fil-maratona ta’ Malta. Iżda b’xorti ħażina, il-maratona tħassret ftit tal-ħin ilu…

Lokali

F’riċerka għad-dottorat dwar il-kriminalità fil-familji Maltin, Janice Formosa Pace sabet li l-familja tista’ tkun dik li tippromwovi l-kriminalità. Kontra dak li jseħħ fl-Eworpa, f’Malta hija komuni li l-ġenituri u l-ulied…

Sport

Waqt logħba tat-Tieni Diviżjoni bejn Oratory Youths u Qala Saints, ir-referee Joseph Agius spiċċa qala’ daqqa ta’ ponn wara li ta żewġ karti sofor lil plejer tal-Qala. Il-logħba li saret…

Edukazzjoni

Il-Fondazzjoni President’s Trust kompliet tqassam tagħmir lil tfal li għandhom diffikultà bil-vista biex tgħinnhom fil-mixja edukattiva tagħhom. B’kollox il-fondazzjoni qassmet b’kemm jiswa €150,000 f’tagħmir tal-informatika lil 65 tifel u tifla….

Aktar