Lokali
X’jieħdu t-tfal mill-konkorsi tas-sbuħija?

Matul dan is-Sajf, diversi tfal ħadu sehem f’konkorsi tal-kant, tas-sbuħija u f’fashion shows, anke barra minn Malta.  L-organizzaturi jgħidu li dawn l-avvinimenti jippromovu t-talenti tat-tfal, iżda oħrajn huma xettiċi dwar dawn l-attivitajiet, li għal uħud saru industrija.

II-Kummissarju għat-Tfal, Pauline Miceli, appellat lill-ġenituri biex ma jimbuttawx lil uliedhom f’konkorsi ta’ sbuħija u fil-fashion shows. Hija qalet li, “It-tfal għandna nħalluhom jġibu ruħhom ta’ tfal u jipparteċipaw f’affarijiet li jservuhom xi ħaġa. Fashion show ma jservihom kważi għalxejn. Iservi biss l-interessi ta’ min qiegħed jipproduċih.”

F’Malta jiġu organizzati bosta konkorsi ta’ sbuħija, b’uħud minnhom huma miftuħa saħansitra għal tfal ta’ ftit xhur, li bilkemm ikunu għadhom bdew jimxu. Is-sehem tat-tfal f’dawn il-konkorsi jaf ikun ta’ piż finanzjarju fuq il-ġenituri li jispiċċaw jonfqu mijiet jekk mhux eluf ta’ ewro biex uliedhom jikkompetu barra ‘l pajjiż. Anke jekk f’ħafna minn dawn il-konkorsi t-tfal ikollhom ċans jesebixxu t-talent tagħhom, is-Sinjura Miceli argumentat li t-tfal m’għandhom qatt jingħataw titli, bħal Little Miss Universe jew Little Miss World.

Nies qrib dawn l-attivitajiet qalu li f’dawn il-konkorsi jkun hemm klima tqila wara l-kwinti, bil-ġenituri jidħlu f’piki esaġerati u saħansitra argumenti, anke jekk dawn it-titli m’għandhom l-ebda sinifikat partikulari.

Is-Sinjura Miceli esprimiet tħassib dwar l-insistenza, il-pressjoni u l-pika tal-ġenituri, li ma teżistix biss fil-konkorsi tas-sbuħija, imma anke fil-kompetizzjonijiet u festivals tal-kant. Qalet li dan mhux biss qed jitfa’ pressjoni żejda fuq it-tfal, iżda qed jgħaddi wkoll messaġġi ħżiena.  Żiedet tgħid li, “Kull ġenitur ikun irid lit-tfal tiegħu jirnexxu imma hemm modi u modi. Imma li ddaħħalhom diġà f’piki ma’ tfal oħrajn, idaħħal ħafna dubji fil-fairness għaliex meta jkun hemm kompetizzjonijiet min ma jirbaħx ġeneralment jibda jivvinta fuq dak u l-ieħor.”

Irrimarkat kemm jistgħu jkunu ta’ periklu l-photshoots tat-tfal u addolexxenti, speċjalment it-tixrid ta’ dawn ir-ritratti fuq Facebook.  Il-Kummissarju għat-Tfal qalet li, “Dawn il-photoshoots fejn iġellugħhom jippużaw f’ċertu pożi u lbies li ma jkunx addattat għall-età tagħhom imma jkun sesswaliżat ħafna. U fuq l-internet jista’ jkollok u għandek min hu makak biżżejjed biex ifittex it-tfal biex b’xi mod jew ieħor il-kelma li tintuża hi jigroomjahom għall-abbuż tagħhom. Għall-abbuż sesswali.”

Il-Kummissarju tat-Tfal qalet li mhux l-ewwel darba li l-uffiċċju tagħha rċieva rapporti b’allegazzjonijiet dwar l-isfruttament ta’ tfal f’dawn il-konkorsi u fejn ikun il-każ jittiehdu l-passi meħtieġa.