X’jista’ jseħħ jekk werrieta ma jaqblux fuq prezz ta’ propjetà?

Waqt edizzjoni differenti tal-programm Popolin, ġew imwieġba mistoqsijiet relatati ma’ suġġetti notarili. Dr. Nicolette Vella u Dr. Josef Masini Vento wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-pubbliku.

Fost punti varji diskussi, l-mistiedna tkellmu fuq x’jista’ jiġri meta l-werrieta ma jaqblux bejniethom fuq prezz jew x’għandu jsir b’xi propjetà li tingħata b’wirt speċjalment meta jkun hemm diversi familji nvoluti. In-Nutara spjegaw li l-ewwel ma għandu jsir huwa li jiġi vverifikat jekk xi wieħed mill-ulied għandux sehem akbar mill-istess propjetà. Wara tliet snin mill-mewt tat-testatur l-ulied għandhom id-dritt li jsir konvenju biex tinbiegħ il-propjetà. Jekk ikun hemm wieħed jew numru ta’ werrieta li ma jkunux preżenti għall-konvenju, s-sehem tal-persuna li ma tkunx preżenti għandu jiġi depożitat il-Qorti.

Jekk qbil fuq prezz jibqa’ ma jintlaħaqx ma jibqa’ xejn ħlief li l-propjetà tinbiegħ b’subbasta. In-Nutara spjegaw li ħafna mid-drabi bejgħ b’subbasta jwassal għall-bejgħ ta’ propjetà bi prezz ħafna orħos minn dak indikat mis-suq. Għalhekk ikun ideali jekk il-werrieta jaqblu bejniethom fuq prezz u kif l-aħjar jipproċedu.