Enerġija
X’jistgħu jagħmlu dawk li se tispiċċalhom l-iskema tal-gvern għall-pannelli?

Fl-aħħar sebà snin tqassmu kważi €50 miljun minn fondi Ewropej, biex familji investew f’panelli fotovoltajċi. F’diversi skemi li saru, ġew stallati kważi 20,000 sistema ta’ pannelli. Bejniethom, is-sena li għaddiet dawn iġġeneraw daqs kemm hu stmat li jikkunsmaw elettriku 20,000 dar.

F’intervista ma’ Television Malta, l-Inġinier Sandro Lauri, mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, qal li dalwaqt jibdew jagħlqu l-ewwel skemi li kienu ħarġu. Dawn kellhom kuntratt ta’ tmien snin b’feed in tariff, b’rati li kienu jvarjaw bejn 25 u 28 ċenteżmu għal kull unit.

L-Inġinier Lauri qal li meta jiskadi l-kuntratt, l-familji ser ikollhom żewg għażliet b’kuntratt ġdid.

“Jista’ jaqleb il-kuntratt għal fuq wieħed li ngħidulu self consumption. Jiġifieri l-elettriku li jiġġenera jibda jikkonsmah hu, irid jikkonsmah dak il-ħin li qed jiġi ġġenerat, u jaqta’ mill-kont bir-rata tal-elettriku li huwa jixtri. Jiġifieri jekk illum huwa jixtri l-elettriku mill-Enemalta qed iħallas bis-16-il ċenteżmu jew bl-14-il ċenteżmu, dik tkun ir-rata li bih hu jaqta’ mill-kont. Unit b’unit.”

Kompla jgħid li l-units tal-elettriku li ma jiġux ikkonsmati, jiġu esportati fuq il-grid tal-Enemalta u jibdew jitħallsu b’rati differenti minn dawk ta’ bħalissa.

“Elettriku li jiġġenera u ma jikkonsmax dak il-ħin, jiġi esportat lill-grid u jirċievi dik ir-rata li semmejna, illum hija ta’ 7.27 ċentenżmi. Din ir-rata tinbidel minn sena għal sena, għax tirrifletti l-prezz tas-suq, tal-elettriku, u allura wieħed jaqbillu jaqleb u jmur mill-ewwel għal dan il-kuntratt differenti, ladarba jiskadulu t-8 snin jew is-6 snin skont il-każ.”

L-Inġinier Lauri spjega li d-diversi skemi li saru mill-gvern kellhom rati u perjodi differenti minħabba titjib fit-teknoloġija, kif ukoll għaliex maż-żmien il-prezz tal-panelli roħos. Qal li f’kull każ, l-awtorità ikkalkulat li l-familji jkunu ħadu lura l-flus li kienu investew fil-panelli kemm għax ma ħallsux tal-elettriku, kif ukoll għaliex ikunu tħallsu tal-units li esportaw fuq il-grid.

Qal li kull min se jiskadilu l-kuntratt se jkun avżat, u jekk ikun irid jaqleb għal kuntratt biex jikkonsma l-elettriku li jiġġenera, għandu jimla formola mis-sit elettroniku tar-regolatur www.rews.org.mt.

Dwar l-iskemi għal solar water heaters, l-Inġinier Lauri qal li dawn għadhom fis-seħħ bl-għotjiet għalihom żdiedu minn €400 għall €700. Qal li hemm numru ta’ skemi oħrajn biex wieħed iżid l-effiċjenza fl-użu ta’ enerġija fosthom għotja għal double glazing u oħra għal roof insulation.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-Għaqda Inħobbu l-Gżira, li hija vuċi kontra l-iżvilupp fuq Manoel Island, qalet li minkejja l-petizzjoni li ressqet quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet bi 8,487 firma, din għadha ma ġietx diskussa fil-Parlament. Fi stqarrija qalet…

Lokali

Il-Gvern fi stqarrija ċaħad rapporti li xxandru fuq mezzi oħrajn tax-xandir u li anke ġew kwotati minn xi membri tal-Oppożizzjoni, dwar żidiet fil-pagi tal-membri tal-Kabinett. Fl-istqarrija l-Gvern qal li dawn…

Għawdex

Ċifri li kiseb TVM juru li nhar Santa Marija, il-kumpanija Gozo Channel operat mad-90 vjaġġ, żieda ta’ 14-il vjaġġ fuq l-istess jum is-sena l-oħra. B’kollox nhar il-Ħamis qasmu lejn Għawdex…

Aktar