Waqt il-Kafé
X’jorbot lil San Martin mal-Baħrija u mas-Sajf?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Daż-żmien niċċelebraw il-festa ta’ San Martin.  Meta konna tfal, tal-mużew kien jgħidulna l-istorja ta’ dan is-suldat Ruman li darba qasam il-mant tiegħu fi tnejn biex jagħti nofsu lil raġel fqajjar minħabba l-kesħa. Anki xi santa niftakar, imma min jaf fejn spiċċat.

Għax meta konna tfal, iktar mill-istorja tiegħu, kienet tinteressana l-borża ta’ San Martin. Konna nistennewha minn sena għall-oħra; borża taċ-ċarruta b’qafla n-naħa ta’ fuq biex kif tiġbidha l-borża tingħalaq u ma jaqagħlek xejn minnha. U kien ikun fiha l-ġid! Tuffieħa, larinġa, mandolina, qastan, ġewż, ġellewż, tin taċ-ċappa u anki l-ħobża ta’ San Martin. Din kienet tkun ħbejża ħelwa miksija bil-ġunġliel u b’biċċa sugu tal-kulur fin-nofs. Kienu jgħidu li l-affarijiet ta’ ġol-borża huma assoċjati mal-karità tal-qaddis.

Fi tfulitna erħilna fuq xi għatba kulħadd ikisser snienu jipprova jneħħi l-qoxra iebsa tal-ġellewż u l-ġewż u nieklu. Konna anki nilgħabu xi logħba boċċi f’nofs it-triq. Il-boċċi konna nilgħabuhom is-sena kollha. F’San Martin konna nilgħabu l-istess logħba, imma bil-ġellewż. Illum ma tara lil ħadd jilgħab fit-triq… la bil-ġellewż u lanqas b’xejn bil-karozzi l-ħin kollu.

L-affarijiet li ssib fil-borża, dak iż-żmien, ma kontx issib tixtrihom is-sena kollha bħal-lum. Allura trid tistenna daż-żmien biex tibda ssibhom. Kellna anki taqbila dwar San Martin: “Lewż, ġewż qastan tin, kemm inħobbu ’l San Martin”.

Meta nsemmu lil San Martin, ħsiebna bilfors imur fir-raħal ċkejken tal-Baħrija. Hemmhekk minħabba li kien hemm kappella ddedikata lill-qaddis, ilha snin twal issir festa b’fiera li fiha jtellgħu l-annimali mill-irziezet tal-post. Ħafna nies kienu jmorru hemm għall-ħarġa tal-Ħadd u jittantaw xortihom jilgħabu numru. Tiddawwar ir-rutella, u jekk jitla’ n-numru tiegħek tirbaħ xi fenek jew ħaruf mill-gallinari tar-raħħala.

Meta kien hemm bżonn tinbena l-knisja l-ġdida, Dun Saver Bianco kien ħaseb biex ikabbar il-fiera u fiha jibdew jittellgħu id-dundjani. Minħabba li l-fiera ssir biss ftit ġimgħat qabel il-Milied, din tad-dundjani għamlet il-fiera aktar popolari u n-nies bdew imorru għaliha minn kullimkien. Minbarra d-dundjani kienu jintrebħu wkoll affarijiet għad-dar, xorb u ikel tradizzjonali Malti.

U biex dan kollu jirnexxi, hemm is-Sajf ta’ San Martin. Wara l-ewwel maltempati f’Ottubru, f’dawn il-jiem it-temp ikun ħanin, it-temperatura togħla xi ftit u l-ħarġa għall-arja tal-Baħrija tkun isbaħ.

Lil San Martin kulħadd iħobbu… min għall-borża u min għall-fiera.  Iħobbu kulħadd… minbarra d-dundjani!

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Malti ta’ 19-il sena li kien jinsab miżmum arrestat ġewwa l-Lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ipprova jweġġa’ lilu nnifsu. Il-każ seħħ illum fis-7pm.  Intervent immedjat tal-Pulizija waqqaf din l-azzjoni u r-raġel…

Lokali

San Ġiljan sebaħ nadif pupilla wara lejl ta’ divertiment f’Jum San Patrizju. Il-ħaddiema tat-tindif xkupaw 15-il tunnellata ta’ skart f’ħames sigħat. Ma’ sbieħ it-Tnejn filgħodu, il-Pjazza ta’ Spinola u toroq tal-madwar…

Kronaka

Lejn is-snin sittin tas-seklu sbatax, il-Berġa tal-Italja kienet imżejna b’dak li jissejjaħ la scala grande, it-taraġ il-kbir. Bl-interventi strutturali li sar fil-berġa tul is-snin il-preġju tat-taraġ intilef meta fost oħrajn…

Aktar