Statistika
X’kien l-ikbar tħassib għan-negozji f’dan iż-żmien diffiċli?

Id-daqqa tal-pandemija nħasset fl-oqsma ekonomiċi, mhux l-inqas in-negozji żgħar u medji, l-iktar il-ħwienet. Stħarriġ tal-Malta Chamber of SME’s juru li l-ikbar tħassib għan-negozji kien in-nuqqas fil-bejgħ.

Stħarriġ online li għamlet il-Malta Chamber of SMEs fost 360 sidien ta’ negozju żgħir u medju sab li aktar min-nofs in-negozji kellhom jagħlqu għal xi żmien waqt il-pandemija tal-Covid-19.

Terz tan-negozji qalu li mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, il-bejgħ naqas bin-nofs, filwaqt li kważi terz ieħor qalu li naqsilhom b’90%.

L-istħarriġ sab li l-ikbar tnaqqis kien fil-bejgħ tal-prodotti meqjusa mhux essenzjali.

Mistoqsija dwar kemm jaħsbu li jifilħu jkampaw fis-sitwazzjoni preżenti, 45% qalu sa sena jew iktar filwaqt li terz qalu 6 xhur u 22 fil-mija qalu li 3 xhur.

L-akbar tħassib għan-negozji huma n-nuqqas fil-bejgħ, segwit mill-inċertezza u l-pagi tal-ħaddiema.

13% qalu li kellhom ikeċċu xi ħaddiema minħabba l-pandemija tal-Covid-19 filwaqt li 21% ma wieġbux.

Ftit inqas minn tlett kwarti qalu li kwalifikaw għall-għajnuniet tal-Gvern, bil-biċċa l-kbira minnhom sabu li l-għajnuniet għenuhom ikkampaw fiż-żmien diffiċli tal-Covid-19.