COVID-19
X’ma għandekx tagħmel meta tilbes il-maskra tal-wiċċ

Kull ma jmur iktar pajjiżi qed jimponu l-ilbies obbligatorju tal-maskra f’postijiet pubbliċi. Ir-regola tal-użu tal-maskra hija waħda mill-aktar stretti fl-Ewropa. F’Malta mhux b’inqas. Bil-liġi, il-maskra trid tintlibes bilfors f’ħames postijiet inkluż fil-ħwienet. Madankollu l-awtoritajiet tas-saħħa jisħqu li jekk il-maskra ma tintlibisx kif suppost jaf tagħmel ħsara.

B’użu tajjeb tal-maskra u distanza soċjali ta’ żewġ metri jonqos drastikament ir-riskju ta’ trażmissjoni tal-coronavirus minn persuna għall-oħra. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, Paula Vassallo, spjegat li l-maskra għandha tgħatti l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum u għandha tkun issikkata mal-wiċċ.

Fl-aħħar ġimgħat żdiedu n-nies li qed jilbsu l-maskra, anke għax huma obbligati li jagħmlu hekk f’ħafna postijiet pubbliċi, iżda osservajna li ħafna mhux jilbsuha kif suppost . . . b’riskju akbar għalihom u għal ta’ madwarhom.

“Jekk wieħed jilbisha taħt l-imnieħer, il-mikrobi ta’ xi ħadd ieħor li jkun qed titkellem ma’ xi ħadd jista’ jmorru ġol-imnieħer tiegħek u inti faċilment li jinfirex il-virus. U jekk wieħed iżommha taħt il-geddum hemmhekk żgur li jkollok kemm il-ħalq u kemm l-imnieħer li ħa jkun mikxuf,” qalet Dr Vassallo.

Dr Vassallo saħqet li l-maskra m’għandha qatt tintmiss minn quddiem għax dik hija l-aktar parti infettata: “Nibda nmiss hawn, imiss hawnhekk u mbagħad ineħħiha – ineħħiha minn hawn kif hawn ħafna li jagħmlu hekk u mbagħad nagħmel hell (tmiss wiċċha) u l-mikrobi kollha likelli fuq il-faċċata qed nittrasferixxihom fuq wiċċi fuq l-imnieħer fuq il-ħalq u iżjeda inkun qed inżid ir-riskju.”

Spjegat li qabel u wara li tintlibes il-maskra, wieħed għandu jaħsel idejh bl-ilma u s-sapun jew juża sanitizer.

“Importanti li wieħed meta jilbisha jew ineħħiha li juża l-loops, jirwiha, jagħmilha ġo baskett u jarmiha u mhux jagħmilha/iħalliha fuq mejda għax inti dejjem kif kont qed nispjega l-parti ta’ barra tista’ tkun il-parti infettata,” saħqet id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard.

Dr Vassallo żiedet tgħid li l-maskri tad-drapp għandhom jinħaslu kull darba li jintlibsu. Qalet li jistgħu jinħaslu fil-washing machine anke ma’ ħwejjeġ oħrajn. Bl-istess mod, il-visors għandhom jintmesħu bl-alkoħol kull darba li jintlibsu.

Bil-liġi, il-maskri jew visors għandhom jintlibsu fil-ħwienet; fuq it-trasport pubbliku; waqt il-vjaġġi bejn Malta u Għawdex inkluż fit-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr; fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u fit-terminal tal-passiġieri li jivvjaġġaw bil-catamaran jew bil-cruise liners.

L-awtoritajiet tas-saħħa qed jisħqu li l-maskri u l-visors mhux obbligatorji li jintlibsu minn tfal li għandhom inqas minn tliet snin.