Lokali
X’miżuri daħħal l-MCAST għas-saħħa u s-sigurtà fil-kampus?

Bi preparazzjoni għall-bidu ta’ sena akkademika oħra, il-Kulleġġ għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, daħħal fis-seħħ protokolli għas-saħħa u s-sigurtà fil-kampus. Madanakollu fi kliem il-prinċipal Joachim James Calleja kulħadd irid joqgħod attent fil-ħin liberu tiegħu, barra mill-kulleġġ. Crew ta’ TVM żar il-kulleġġ u seta’ jara it-tibdiliet li saru tul fl-aħħar ġimgħat biex din l-istituzzjoni tkun konformi mal-miżuri maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-Ħamis l-1 t’Ottubru tibda sena akkademika ġdida fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija. Għall-ewwel se jibdew l-istudenti f’50 kors differenti bil-lezzjonijiet mistennija jsiru kemm onlajn kif ukoll fil-kampus, waqt li l-kumplament tal-istudenti ta’ korsijiet oħra mistennija jibdew sas-19 ta’ Ottubru. Bi tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-Kulleġġ, l-MCAST ħejjiet protokoll għas-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u l-istaff u nefqet 75,000 ewro biex tatrezza l-kampus skont il-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-Prinċipal tal-MCAST, Joachim James Calleja stqarr ma’ Television Malta li minkejja li sar dan l-investiment kulħadd irid jagħmel il-biċċa tiegħu. Qal li huwa daqstant importanti li l-miżuri jitħarsu lil hinn mill-Kulleġġ.

”Inutli l-amministrazzjoni tinvesti bis sħiħ fis-signage u security biex aħna nosservaw dawn ir-regoli meta jekk aħna meta nitilqu mill-Mcast qisu ma ġara xejn, kemm aħna, kemm il-letturi kif ukoll l-istudenti rridu nieħdu ħsieb xulxin anke barra mill-Kulleġġ.”

Il-Professur Calleja kompla jgħid li fil-ġranet tas-Sajf il-ħidma kompliet għaddejja, hekk kif numru ta’ studenti u letturi daħlu lura fil-klassijiet biex jispiċċaw is-sena akkedimika li kellha titwaqqaf ħesrem minħabba ll-imxija tal-coronavirus. Minħabba li l-MCAST toffri tagħlim skont il-ħtiġijiet tal-industrija tax-xogħol, fost l-oħrajn parrukkiera u servizzi tas-sbuħija, il-Prinċipal tal-MCAST spjega li se japplikaw ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa għal din l-industrija.

Bradley DeBono student tal-MCAST u Viċi President tal-Kunsill tal-Istudenti tal-Kulleġġ qal li jinsab ħerqan li jirritorna għal-lezzjonijiet fil-kampus.

”Huma ċirkostanzi differenti, però fl-aħħar mill-aħħar, veru ħerqan dak li suppost kellna nlestu u biex nerġgħu nibdew is-sena skolatistika. Huwa l-ambjent li ħafna studenti jridu ovvjament id-differenza bejn online learning u campus hi enormi terġa’ tiltaqa’ ma sħabek mal-lecturers qisek qed tiġi lura għan-normal f’ċirkostanzi differenti.”

Bradley DeBono qal li l-Kulleġġ tal-Istudenti kien saħansitra involut fil-proċess ta’ konsultazzjoni għall-imsemmija protokolli fejn huma bħala rappreżentati taż-żgħażagħ saħqu fuq l-importanza ta’ żieda fis-sigurtà u l-ħarsien tar-regolamenti matul il-ġurnata.