
Sabiex is-sitwazzjoni ta’ COVID-19 fil-pajjiż tibqa’ taħt kontroll, mil-lum daħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri li jillimitaw ir-rases tan-nies f’attivitajiet tal-massa. Dawn il-miżuri tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.
Fi stqarrija l-Gvern qal li dawn il-miżuri jinkludu li:
- l-ammont massimu ta’ nies permessi fi stabbiliment irid jinħadem ta’ persuna għal kull 4m2;
- fi stabbilimenti bl-imwejjed u siġġijiet irid ikun hemm spazju ta’ 2m bejn mejda u oħra, b’massimu ta’ għaxar persuni ma’ kull mejda;
- f’każ t’avvenimenti ta’ 100 persuna jew iktar, l-organizzaturi jridu japplikaw għal permess mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u jissottomettu risk assesment.
Bi qbil mal-Kurja mhumiex se jkunu permessi iktar marċi tal-festa, dan filwaqt li l-pellegrinaġġi se jkunu limitati għal 100 persuna, dejjem b’distanza soċjali.
F’attivitajiet organizzati, it-teħid tad-dettalji ta’ kull persuna li tattendi se jinżammu għal erba’ ġimgħat.
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci spjegat li dawn il-miżuri se jnaqqsu r-riskju ta’ trażmissjoni u se jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ contact-tracing li jagħmlu l-Awtoritajiet tas-Saħħa għall-każijiet ta’ COVID-19. Hija serrħet moħħ il-pubbliku li kemm-il darba persuna titqies li kienet f’riskju għaliex kienet f’kuntatt ma’ persuna bil-coronavirus, u jkunu l-Awtoritajiet tas-Saħħa stess li jagħmlu kuntatt u jħeġġu li jsir swab.
Id-dmir li dawn ir-regolamenti jiġu segwiti se jaqa’ fuq l-organizzaturi tal-attivitajiet u fuq is-sidien tal-istabbilimenti, dan filwaqt li se jiżdied l-infurzar mill-Awtorità tat-Turiżmu u l-ispetturi mis-Sanità Pubblika.
Ara wkoll:
Jitħabbru numru ta’ miżuri għall-attivitajiet tal-massa u postijiet fejn jinġabru ħafna nies