Infrastruttura
Xogħlijiet fi Triq Xrobb l-Għaġin itulu minħabba s-sensittività taż-żona

Xogħlijiet li bdew fi Triq Xrobb l-Għaġin is-sena li għaddiet għadhom kemmxejn ‘il bogħod milli jitlestew, fejn nofs din it-triq li tgħaqqad iż-Żejtun ma’ Marsaxlokk għadha inaċċessibbli.

Persuni li jgħaddu spiss miż-żona qalu lil TVM li minkejja li hemm l-inġenji, mhumiex qed jaraw attività fil-post.

Filwaqt li Infrastrucutre Malta bdiet ix-xogħlijiet fuq din it-triq is-sena li għaddiet, f’Marzu li għadda beda x-xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Kelliem għall-korporazzjoni qal lil TVM li x-xogħol f’din iż-żona partikolari huwa wieħed metikoluż minħabba diversi raġunijiet.

Minn hawn iridu jingħaddu erba’ servizzi, fejn is-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali qed tagħmel moniteraġġ kuljum minħabba s-sensittività taż-żona. Barra minn hekk hemm ukoll cables ta’ tensjoni għolja li jirrikjedu ħafna prekawzjoni.

Il-kelliem qal li x-xogħol min-naħa tal-WSC mistenni jieħu madwar sitt xhur oħra.