Lokali
Xogħlijiet ta’ pittur Malti għall-wiri barra minn Malta

Sitt kapolavuri tal-pittur Malti tas-seklu 18, Francesco Zahra, jinsabu għall-wiri barra minn Malta wara li għaddew minn restawr estensiv fl-aħħar xhur.

L-Ambaxxatur ta’ Malta fl-Italja Carmel Vassallo qal lil TVM li għal xahar dawn il-pitturi se jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku fil-Bażilika San Andrea della Valle fil-qalba tal-kapitali Taljana ta’ Ruma.

Wieħed mir-restawraturi, Sante Guido, irringrazzja lil Malta li qal tat l-opportunità li jkun hemm rabta kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Sitt pitturi li juru sitt passaġġi mit-Testment il-Qadim impittra mill-pittur Malti Francesco Zahra jinsabu għall-wiri għal xahar f’esebizzjoni fil-Bażilika ta’ San Andrea della Valle f’Ruma, l-Italja. Francesco Zahra għex mill-1717 sal-1773 u x-xogħlijiet tiegħu kienu l-biċċa l-kbira pitturi reliġjużi fl-istil Barokk Naplitan.

Il-pitturi ta’ Francesco Zahra jinsabu f’ħafna knejjes madwar il-gżejjer Maltin. Fost dawn hemm dawn is-sitt pitturi tal-Oratorju tas-Santissimu Sagrament fiż-Żejtun. Fl-aħħar xhur dawn il-pitturi għaddew minn restawr estensiv mir-restawraturi Sante Guido u Giuseppe Mantella u kienu ffinanzjati mill-Programm ta’ Diplomazija Kulturali u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

L-ambaxxatur ta’ Malta fl-Italja, Carmel Vassallo, spjega li wara ħafna sforzi, speċjalment minħabba d-diffikultajiet li ħolqot il-pandemija, dawn il-pitturi issa jistgħu jitgawdew mill-Maltin li jgħixu Ruma u wkoll mit-Taljani.

“Kull sena l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jitlob lill-ambaxxati mxerrdin madwar id-dinja biex nipproponu xi proġetti ta’ kultura u meta aħna nipproponu dawn il-proġetti naraw daqxejn jekk hemmx xi forma ta’ ħolqa bejn dak li rridu norganizzaw mal-pajjiż fejn aħna ospitati. Din is-sena l-Ministeru talabni xi ħaġa li kienet diġa bdiet minn 3 snin ilu bir-restawr ta’ dawn il-famużi pitturi ta’ Francesco Zahra.”

L-arċipriet taż-Żejtun, Dun Nicholas Pace, qal li meta sar arċipriet ta’ din il-parroċċa ħa l-impenn ukoll li jħares kull wirt storiku u artistiku tal-post.

“Reġgħu ħadu l-ħajja permezz ta’ dan ir-restawr, imma ġew esposti issa fuq platform ferm ikbar. Mhux biss magħluqin fl-oratorju tas-sagrament fiż-Żejtun, imma ġew f’din il-belt eterna.”

Wieħed mir-restawraturi, Sante Guido, irringrazzja lil Malta li qal tat l-opportunità li jkun hemm rabta kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi.

“To show Francesco Zahra, the first Maltese painter, in Rome. To bring in Rome 6 masterpieces by him and show him in this wonderful basilica in the heart of Rome so the meaning is the bridge between the two islands, Malta and Gozo and of course Italy.”

Francesco Zahra hu meqjus bħala l-iktar pittur importanti Malti fis-seklu 18. Ix-xogħlijiet tiegħu kienu influwenzati ħafna mix-xena tal-arti f’Napli bi kritiċi tal-arti jgħidu li l-artisti Mattia Preti u Caravaggio ħallew impatt fuq ix-xogħlijiet tiegħu.