Qasam soċjali
Xogħlijiet ta’ rinovar f’40 blokka tad-djar tal-Gvern madwar Malta

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, ħabbar investiment ta’ €2.5 miljun għal xogħol ta’ rinovar f’akkomodazzjonijiet soċjali f’diversi lokalitajiet li bihom se jaffettwa 450 familja.

Qal li mill-2017 sal-lum, il-Gvern investa €12-il miljun biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji li jgħixu f’akkomodazzjonijiet soċjali bħala parti mix-xogħol ta’ riġenerazzjoni tal-akkomodazzjonijiet soċjali fil-pajjiż.

Il-Ministru Galdes ħabbar li se ssir riġenerazzjoni ta’ 40 blokka t’akkomodazzjoni soċjali. Qal li x-xogħlijiet se jsiru f’akkomodazzjonijiet soċjali f’Santa Luċija, Ħaż Żebbuġ, Birgu, San Ġwann, Ħal Luqa u f’Ħal Qormi. Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinovar se jiffukaw fuq il-faċċati, soqfa u partijiet tal-komun.

Il-Ministru Galdes qal li filwaqt li l-Gvern qed jibni 1,700 akkomodazzjoni soċjali, mhux qed jinora lil dawk il-familji li jgħixu f’akkomodazzjoni antika, uħud minnhom mibnija fis-snin sittin u sebgħin. Qal li mis-sena 2017 sal-lum, il-Gvern diġa’ investa kważi €12-il miljun f’xogħlijiet li minnhom gawdew aktar minn 1,700 familja, f’diversi lokalitajiet fosthom fil-Kalkara, Ħal Qormi, Ħal Tarxien, in-Naxxar, u Bormla.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li minkejja l-pandemija x-xogħol ta’ riġenerazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali ma waqfitx, fejn qal li s-sena li għaddiet intefqu €2.6 miljun f’manutenzjoni u anki xogħlijiet strutturali, xogħol ta’ drenaġġ, elettriku u anki tneħħija ta’ asbestos.

Is-Sur McKay qal li l-awtorità toffri €6,000 għal titjib ġenerali fil-komun tal-binjiet u anki għajnuna għal min irid jagħmel lifts fil-blokok. Is-Sur McKay appella lill-inkwilini biex filwaqt li l-istat qed jagħmel il-parti tiegħu, importanti li l-manutenzjoni li ssir tinżamm b’mod regolari.