Lokali
Xogħol biex il-qabru ma jisparixxix mill-gżejjer Maltin

Nature Trust Malta u d-Direttorat tal-Akwakultura ħelsu l-ewwel qwabar, li huma granċijiet tal-ilma ħelu, bħala parti minn proġett li għandu l-għan li jiġi studjat l-ambjent li jgħix fih dan il-granċ. L-għan aħħari tal-proġett hu li l-qabru jibqa’ parti mill-ambjent naturali Malti.

Il-qabru hu granċ tal-ilma ħelu li nsibu fil-gżejjer Maltin u tiegħu għandna speċi li tinsab Malta u speċi li tinsab Għawdex.

Il-President ta’ Nature Trust Malta, Vince Attard, qal li l-qabru hu annimal rari għax jgħix is-sena kollha fejn hemm l-ilma ħelu.

Huwa spjega li bit-tibdil fil-klima qiegħed f’periklu li jgħib. Nature Trust Malta flimkien mad-Direttorat tal-Akwakultura għaddejjin bi proġett mifrux fuq tliet snin bl-għan li l-qabru ma jisparixxix mill-gżejjer Maltin.

“Fil-fatt l-idea li qed naħdmu fuq il-qabru tal-Baħrija fejn ġbarna granċi żgħar minn fuq l-omm, li issa qegħdin fl-akwarju, l-omm erġajna ħarrabniha u dawk bdejna nkabbruhom biex naraw kif jaġixxu fis-selvaġġ. Fil-fatt diġà ħarrabna ‘l fuq minn 50 granċ, issa hemm 15 fejn se nistudjaw ukoll meta jikbru x’jagħmlu ħalli hekk inkunu nistgħu ngħaddu għat-tielet fażi tal-proġett. It-tielet fażi hu li naraw xi rridu nagħmlu biex l-ambjent ta’ dan il-granċ jiġi mħares ukoll għax il-granċ ma jgħixx waħdu, jgħix fl-ambjent u l-ambjent naturali tiegħu għandu bżonn ta’ ħarsien speċjali.”

Is-Sur Attard kompla jgħid li permezz ta’ dan il-proġett, jekk il-qabru jibda jonqos drastikament mill-gżejjer Maltin, ikunu jistgħu jitkattru l-qwabar u mbagħad jinħelsu fis-selvaġġ.

“Proġett simili għal dan huwa ta’ bużaqq li qed nagħmlu bħalissa n-naħa t’isfel ta’ Malta li diġà ħalla ħafna frott u għalhekk dal-proġett flimkien max-xjenzati u mad-Dipartiment tal-Akwakultura issa qed naraw kif se nkattru l-granċ jekk ikollna bżonn biex ma jinqeridx mill-gżejjer Maltin.”

Sa qabel adottajna l-Ewro, il-qabru kien rappreżentat fuq il-munita tal-5 ċenteżmi. B’dan il-proġett li għalih Nature Trust u d-Direttorat tal-Akwakultura sabu l-appoġġ tal-Fondazzjoni HSBC Malta, il-pubbliku se jingħata informazzjoni dwar il-qabru u t-theddida li l-bidla fil-klima għandha fuqu.