Xogħol kompożitur Malti għaċ-ċelebrazzjonijiet f’Mons – il-Kapitali tal-Kultura 2015

Il-kompożizzjoni Cadavre Exquis mill-pinna tal-kompożitur Malti Karl Fiorini (1979) kienet fost is-siltiet li ndaqqew waqt żewġ kunċerti li saru din il-ġimgħa fil-Belġju.

F’kunċert nhar it-Tlieta f’Theatre de Manège, f’Mons u l-għada f’kunċert ieħor f’Flagey Theatre fi Brussel, xogħol Fiorini kien fost xogħlijiet oħra ta’ kompożituri kontemporanji bħal François Narboni, Bernard Cavanna u Ivan Fedele li żewqu ż-żewġ serati.

Dawn iż-żewġ kunċerti kienu parti mill-attivitajiet li qed isiru bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Mons bħala l-Kapitali tal-Kultura Ewropea 2015.

Xogħol Fiorini Cadavre Exquis se jerġa’ jindaqq waqt id-59 edizzjoni tal-Biennale ta’ Venezja fis-6 ta’ Ottubru li ġej.

F’kumment lil tvm.com.mt, Fiorini li huwa d-Direttur Artistiku tal-International Spring Orchestra Festival, stqarr li kull kompożitur jieħu ġost ikun jaf li xogħlijiet tiegħu ikunu inklużi f’avvenimenti importanti. “Il-post kif ukoll il-mużiċisti li jinterpretaw ix-xogħlijiet jagħmlu differenza speċjalment meta jsiru taħt il-kappa tal-Kapitali tal-Kultura Ewropea,” żied Fiorini.

Qal li ħass li l-orkesta li daqqet Cadavre Exquis diġa’ għamlitu parti mir-repertorju tagħha u dan lilu jagħtih sodisfazzjon kbir. Żied jgħid li l-fatt li ser jerġa’ jindaqq huwa ta’ sodisfazzjoni akbar għax minħabba raġunijiet loġistiċi ix-xogħlijiet ta’ kompożituri kontemporanji jindaqqu darba biss.

“Il-Biennale ta’ Venezja hija l-ikbar wirja ta’ arti kontemporanja tad-dinja mill-aqwa artisti internazzjonali u hija waħda mill-ħolm ta’ kull min jaspira li hu artist, u cioè li xogħolu jiġi esebit f’din il-biennale,” kompla Fiorini. Għalhekk is-sodisafazzjon huwa doppju għax mhux biss qed jagħmel ġieħ lilu nnifsu bħala kompożitur u lil Malta, iżda wkoll għax bil-mod qed jagħmel parti minn komunità ta’ artisti internazzjonali li hija ħaġa li aspira għaliha sa minn ċkunitu.

Oriġinarjament, Fiorini kien kiteb Cadavre Exquis fl-2012 għall-Orkestra Kontemporanja Ewropea, mwaqqfa minn Ensemble Télémaque f’Marsilja fi Franza u Musiques Nouvelles f’Mons fil-Belġju.

Huma kienu kkummisjonaw lil Fiorini din il-biċċa xogħol għall-orkestra, kantanti u media eletronika għal Marsilja l-Kapitali tal-Kultura Ewropea 2013.

L-ewwel darba li nstemgħet kien fit-teatru Ballet National de Marseille f’Ġunju 2012.

 

Isma Cadavre Exquis li ndaqq waqt il-provi qabel il-kunċerti ta’ din il-ġimgħa.

Aħbarijiet Oħra
Qasam soċjali

Taqra l-brevjar minn fuq it-tablet waqt li qed tagħmel id-dijalisi, Suor Agnese Zammit qalet li din hija r-realtà li ilha tgħixha għal dawn l-aħħar xahrejn għal tliet darbiet fil-ġimgħa. Hija…

Stejjer Umani

Carla Cutajar ta’ tlettax-il sena kienet eċċitata mmens li għall-ewwel darba ngħatat l-opporunità li tkun parti miż-żifna tradizzjonali li tiftaħ il-karnival ta’ Malta. Kien ftit tax-xhur ilu meta Carla bdiet…

Kultura

Minn bokka fir-roundabout tal-ajruport inżilna fil-katakombi ta’ Ħal Resqun li għalkemm mhux kbir bħal katakombi oħra li hemm fir-Rabat, għandu l-valur arkeoloġiku tant li ġew preservati meta ftit snin ilu…

Saħħa

L-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin daħlu fis-seħħ pjan ta’ azzjoni fid-dawl tal-virus COVID19, hekk kif dan kompla jinfirex barra ċ-Ċina u laħaq pajjiżi Ewropej partikolarment l-Italja. Fi stqarrija tal-Ministeru tas-Saħħa intqal li…

Aktar