Kisbiet
Xogħol monumentali ta’ traduzzjoni għall-Malti f’mużew f’Washington

Monsinjur Pietru Pawl Saydon hu magħruf bħala t-traduttur tal-Kotba Mqaddsa bil-Malti. Twieled iż-Żurrieq lejn l-aħħar tas-seklu dsatax u miet fit-22 ta’ Marzu tal-1971. Din is-sena qed jitfakkar il-50 anniversarju mill-mewt tiegħu.

L-akkademiku Carmel Bezzina li studja x-xogħlijiet ta’ Monsinjur Pietru Pawl Saydon, qal li sena wara li ġie ordnat saċerdot, fl-età ta’ 24 sena, mar Ruma biex jispeċjalizza fl-Istudji Bibliċi u wara tliet snin kiseb il-Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa mill-Istitut Bibliku Pontifiċju. Malli ġie lura Malta, kellu l-ħsieb li jittraduċi t-72 ktieb tal-Bibbja bil-Malti.

“Saydon mill-ewwel kellu l-ħsieb li jittraduċi mil-lingwa oriġinali, għaliex ħafna mit-traduzzjonijiet ta’ qablu seħħu mill-Vulgata, il-verżjoni Latina. Saydon ried imur fl-oriġinal. It-Testment il-Qadim għandek il-Lhudi u l-Aramajk u fit-Testment il-Ġdid għandek il-Grieg. Saydon kien lingwista kbir tal-lingwi semitiċi, il-Malti kien iħaddmu b’mod eċċellenti, u allura beda dan il-proġett tat-traduzzjoni tal-Bibbja.”

It-traduzzjoni tal-Bibbja minn Monsinjur Saydon hi meqjusa bħala xogħol monumentali li ħadlu 30 sena.

“L-ewwel ktieb, il-Ġenesi, ħareġ fl-1929 u l-aħħar wieħed, l-Apokalissi, fl-1959. Jiġifieri għandek medda ta’ 30 sena. Biex tittraduċi l-Bibbja kollha bniedem waħdu mhux illum biss ma ssirx, nimmaġina lanqas dak iż-żmien ma kienet issir għaliex hija maratona kbira ħafna. Saydon intefa’ għaliha b’ruħu u b’ġismu għax ried jagħti lill-poplu Malti verżjoni xjentifika u letterarja tal-Bibbja bil-Malti, kif il-poplu tixraqlu din it-traduzzjoni . . . . Proġett monumentali l-ewwelnett għax sar minn bniedem wieħed. Dik diġa hija biċċa xogħol kbira. Traduzzjoni ta’ 72 ktieb minn bniedem wieħed li biex għamilhom dawn mhux biss iż-żmien imma ħajtu kienet it-traduzzjoni. Irid jinqafel id-dar wara li jlesti mill-Università, jistudja, jirriċerka, jikteb, jittraduċi.”

Carmel Bezzina qal li Monsinjur Pietru Pawl Saydon ħalla d-drittijiet tal-istampa lis-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. Spjega li minbarra ħafna kitbiet ta’ natura Biblika, ħalla xogħolijiet lingwistiċi u letterarji. Fost dawn, novelli qosra ambjentati Malta, epigrammi li kultant kienu ftit niggieża wkoll, u dramm fuq Santa Katerina Verġni u Martri.