Kultura
Xogħol ta’ restawr fl-eqdem binja fil-Mellieħa

Għaddej ir-restawr tal-eqdem binja fil-Mellieħa . . . kumpless ta’ tmintax-il kamra li kienu nbnew biex joffru spazju għal ftit ħin ta’ mistrieħ lill-pellegrini li jżuru s-santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.

Il-qagħda tal-binja kienet imwegħra tant li ħajt minnhom kien qed joħroġ ‘il barra b’rata ta’ millimetru kull ġimgħa. Il-parroċċa daħlet għax-xogħol biex issalva dan il-wirt milli jiġġarraf u tagħtih użu ġdid marbut mal-istorja.

Għalkemm is-sinjali kienu ilhom jidhru u l-istudji dwar l-aħjar metodu ta’ restawr kienu ilhom għaddejjin, il-ħtieġa urġenti li jsir xi ħaġa fuq il-kmamar tal-pellegrini fil-bitħa tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa dehret aktar biċ-ċar fil-bidu ta’ din is-sena. L-Arċipriet tal-Mellieħa, Dun Joe Caruana, spjega li l-ħajt li jagħti għal fuq Triq il-Marfa kien se jaqa’ minn mument għal ieħor.

“Il-ħajt beda ħiereġ u fin-nofs kien ħareġ b’mod allarmanti ħafna aktar minn seba’ pulzieri għal fuq Triq il-Marfa u kien f’periklu imminenti li jaqa'”

Il-kmamar ħadu l-isem tal-pellegrini għax kienu jilqgħu nies li minn irħula mbiegħda kienu jmorru jitolbu lill-Madonna tal-Mellieħa. F’dawn il-kmamar huma kien ikollhom fejn jistrieħu qabel jerġgħu jagħmlu l-vjaġġ lura d-dar.

“L-iktar parti qadima, l-parti t’isfel inbniet fl-1599 jidher anki mill-binja tagħhom bi troll mhux bl-arkati bħal ta’ fuq. Ta’ fuq inbnew fuq żewġ mumenti oħra fl-1700 meta l-importanza tas-Santwarju kompliet tikber. L-importanza tagħhom hi għaliex huma l-eqdem binjiet eżistenti l-Mellieħa.”

Il-Manager inkarigat mill-proġett, Mardeo Farrugia, qal li x-xogħol beda f’April b’interventi ta’ tisħiħ tal-binja b’metodu li filwaqt li jorbot il-ħajt biex ma jkomplix jinġibed ‘il barra, ma jintilef xejn mill-estetika ta’ dan il-bini storiku.

“Għandna żewġ terzi tal-parti ta’ fuq li hija lesta. Hija lesta minfuda, saret il-platform tal-konkrit li se taħdem bħala cantilever biex torbot il-ħajt u sar ukoll studding min-naħa ta’ fuq tal-ħajt jinżel ‘l isfel żewġ metri tul bi ħxuna ta’ 50mm ‘l isfel biex tkun tista’ tintrabat.”

Qal li din il-fażi tax-xogħol se titlesta f’Ottubru. Sal-aħħar tas-sena għandu jintemm ix-xogħol kollu fuq il-ġebla u s-soqfa, inkluż l-istallazjoni tas-servizzi. Ir-restawr fuq ġewwa tal-kmamar se jitħalla għas-sena d-dieħla.

Meta jitlesta l-proġett kollu, id-disa’ kmamar ta’ isfel se jservu bħala mużew ta’ għodod u snajja antiki Melliħin. Il-kmamar ta’ ġol-bitħa se jintuzaw bħala Mużew tas-Santwarju, b’waħda mill-kmamar se tkun dedikata għaż-żjara li l-Papa Ġwanni Pawlu II għamel f’dan is-Santwarju fl-1990.

Fi tmiem din il-ġimgħa, se tiġi ċċelebrata l-festa tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. L-ark li n-nies jgħaddu minn taħtu biex jidħlu fil-bitħa u fis-santwarju din is-sena jagħlaq 300 sena.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Żona li fiha daqs seba’ grawnds tal-futbol, li minn wied naturali nbidlet f’miżbla, qed tingħata wiċċ ġdid biex minflok tibqa’ ġerħa fin-naħa t’isfel ta’ Malta, issir attrazzjoni. Sa wieħed u…

Kultura

Infrastructure Malta appik li tibda operazzjoni delikata, biex taqla’ sħiħ mill-blat qabar tal-perjodu Puniku-Ruman, u tpoġġih fil-ġenb ta’ triq ġdida li qed tibni f’Ħ’Attard. B’hekk din is-sejba ta’ valur arkeoloġiku,…

Immigrazzjoni

TVM jinsab infurmat li matul il-lejl li għadda, grupp ta’ madwar 90 immigrant li ġew salvati fil-Mediterran fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta ttieħdu fuq vapur tal-Captain Morgan li…

COVID-19

Il-pandemija u r-reħi tar-restrizzjonijiet ġabu magħhom l-użu tal-maskra. Filwaqt li ħafna qed jużawha kif obbligati jagħmlu f’ħafna postijiet pubbliċi, osservajna li bosta qed jilbsu biex taparsi libsuha. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni…

Aktar