Xogħol ta’ restawr u tħawwil ta’ 3,300 siġra fil-Buskett

Jinsab fi stadju avvanzat il-proġett ta’ restawr u tiswija fil-Buskett fejn qed jitħawlu ’l fuq minn 3,000 siġra indiġena.

Il-proġett li huwa ffinanzjat minn fondi Ewropej tnieda f’Awwissu tas-sena li għaddiet u mistenni jitlesta s-sena dieħla.

Waqt żjara li għamel dalgħodu fil-Buskett, il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat qal li l-proġett hu maħsub għar-rijabilitazzjoni tal-ambjent naturali, billi jitwettqu miżuri ta’ stabilizzazzjoni li jnaqqsu t-telf tal-ħamrija u fl-istess waqt iħarsu l-ispeċi tal-Flora u l-Fawna li jiddependu minn dan l-abitat.

Ix-xogħol jikkonsisti fit-tiswija ta’ madwar 80 ħajt tas-sejjieħ, ir-restawr tal-arkati riffieda li jinstabu matul il-Wied u li jmorru lura sa żmien il-Kavallieri, it-tneħħija ta’ speċi ta’ pjanti invażivi li jikkompetu mal-ispeċi indiġeni kif ukoll it-tħawwil ta’ madwar 3,300 siġra indiġena li b’kollox se jwasslu għal żieda ta’ ftit anqas minn 40,000 metru kwadru ta’ siġar mal-bosk naturali li huwa diġà eżistenti fl-inħawi.

Ix-xogħol qed isir mid-Direttorat tal-Parks.