Lokali
Xogħol ta’ tisbiħ bil-możajk fil-kappella tad-Dwejra

Fil-Kappella ta’ Sant’Anna d-Dwejra Għawdex qed isir proġett artistiku u ta’ tisbiħ li jikkonsisti prinċipalment f’xeni magħmulin mill-możajk. Il-proġett li qed isir mid-donazzjonijiet tad-devoti wasal biex jintemm għalkemm fadal l-artal u s-sedja tas-saċerdot. Il-Kappillan ta’ San Lawrenz u Rettur ta’ din il-kappella, Dun Charles Sultana, tkellem dwar il-ħsieb wara dan il-proġett u d-devozzjoni lejn din il-kappella fid-Dwejra, partikolarment minn ommijiet jew nisa li jixtiequ jsiru ommijiet.

Il-kappella dedikata lil Sant’Anna fid-Dwejra mhix antika. Inbniet fl-1963 u hawn min jgħid li kienet l-ewwel kappella bi stil modern f’Għawdex. F’anqas minn 60 sena, dan hu t-tielet kwadru titulari tal-kappella. Ta’ qablu ġarrbu ħsarat minħabba l-elementi. Tal-lum sar mill-artist Dun Roberto Gauci. Il-kwadru juri lil Sant’Anna, iżżomm fi ħdanha lil bintha: il-Madonna, li min-naħa tagħha qed iżżomm lil Ġesù.

Dan l-aħħar, l-istess saċerdot ingħata l-inkarigu li jagħmel xogħol artistiku u ta’ tisbiħ fil-kappella tad-Dwejra. Il-kappella issa hi mogħnija bi tliet xeni magħmula mill-możajk. Fi kliem Dun Roberto, kull arti liturġika hi kelma li tidher. Qal, li minħabba li Sant’Anna u San Ġwakkin huma qaddisin li huma koppja miżżewġa. Il-ħsieb kien li bl-arti jagħmel riflessjoni fuq iż-żwieġ.

“Allura l-możajk jippreżentalna żewġ xeni kważi simetriċi. L-ewwel għandna ż-żwieġ bejn Sant’Anna u San Ġwakkin – din it-tgħanniqa li turi l-imħabba ta’ bejniethom li mbagħad minnha tnisslet il-Madonna. In-naħa l-oħra tal-artal imbagħad hemm it-tifsira spiritwali taż-żwieġ, il-Madonna mgħannqa ma’ Kristu msallab. L-għaqda tal-umanità mifdija ma’ Kristu…l-ambone jurina xena li raw in-nisa meta marru jżuru l-qabar ta’ Kristu. Il-qabar vojt bl-anġli.”

Dun Roberto Gauci kompla jgħid li biex il-proġett jitlesta fadal l-artal u s-sedja tas-saċerdot.

Il-Kappillan ta’ San Lawrenz hu wkoll ir-Rettur ta’ din il-kappella, billi taqa’ fil-konfini tal-parroċċa. Dun Charles Sultana, qal li hemm devozzjoni kbira lejn din il-kappella.

“Matul is-sena nirċievu korrispondenza sabiħa ħafna ta’ nanniet li jitolbu l-interċessjoni ta’ Sant’Anna għat-tfal tagħhom, għall-familji tagħhom…anke f’mumenti ta’ mard nirċievu ħafna stejjer ta’ nies morda li jitolbu l-interċessjoni ta’ Sant’Anna. Imbagħad hemm ukoll l-ommijiet li jkunu qegħdin jistennew tarbija li jitolbu l-interċessjoni ta’ Sant’Anna f’dawk il-mumenti u anke nisa li jkunu jixtiequ li jsiru ommijiet u allura jitolbu wkoll l-interċessjoni ta’ Sant’Anna.”

Il-festa ta’ din il-kappella għadha kemm ġiet iċċelebrata fis-26 ta’ Lulju. Dun Charles Sultana qal li d-devozzjoni lejn Sant’Anna ħeġġithom jidħlu għal dan il-proġett ta’ tisbiħ biex il-viżitaturi jintlaqgħu f’post xieraq ta’ talb fl-isfond ta’ xogħol artistiku ġdid li jpaxxi l-għajn. Ix-xogħol qed isir mid-donazzjonijiet tal-pubbliku.