X

Xogħolhom ifittxu l-kameras moħbija fil-latrini

L-awtoritajiet fil-kapitali tal-Korea t’Isfel qalu li l-latrini pubbliċi se jibdew jiġu spezzjonati kuljum biex jinqabdu kameras moħbija.

Il-pornografija minn kameras moħbija saret problema kbira f’dan il-pajjiż, bin-nisa mbeżża’ li se jkunu vittmi ta’ dan ir-reat, fejn filmati tagħhom bla ħwejjeġ jispiċċaw iduru mal-erbat irjieħ fuq l-internet.

Iktar kmieni din is-sena għexieren ta’ eluf ta’ nisa pprotestaw kontra din il-prattika, u ġarrew kartelluni bil-kliem ‘My life is not your porn’.

Intant, is-sena l-oħra l-Pulizija tal-Korea t’Isfel ħejjiet ukoll filmati ta’ tfajliet li taparsi ttieħdu b’kamera sigrieta, u poġġiethom f’siti tal-file sharing bl-intenzjoni li taħsad lil minn jipprova jarahom u ġġiegħlu jirrealizza l-konsegwenzi ta’ għemilu.

F’wieħed minn dawn il-filmati tidher tfajla qed tbiddel il-ħwejjeġ, bil-filmat taparsi qed jittieħed minn kamera moħbija. Meta tinbidel l-inkwadratura t-tfajla tħares ‘il fuq u pront taħsad lil min ikun qed jara l-filmat, peress li tkun tidher qisha mejta.

Il-kliem li jakkumpanja l-filmat iwissi lil min ikun qed jarah li jista’ jkun kompliċi biex tfajla bħal din twettaq suwiċidju.