COVID-19
“Xorta qed nagħmlu l-parti tagħna minkejja li m’aħniex parti mill-Kumitat dwar il-COVID-19” – Dr Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia irringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-settur tas-saħħa li qal qed jaħdmu qatigħ f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji. Sostna li għalkemm il-Gvern ma riedx li l-Oppożizzjoni tkun f’kumitat dwar l-Coronavirus, l-Oppożizzjoni xorta qed tagħmel il-parti tagħha. Dr Delia appella lill-Gvern jieqaf jitkellem fuq partiġġjaniżmu għaliex spjega li l-Oppożizzjoni mill-ewwel iddikjarat il-kollaborazzjoni tagħha.

Dr Delia qal li sa fl-aħħar il-Gvern sema’ mill-ġenituri, l-għalliema u l-Oppożizzjoni u għalaq l-iskejjel. Il-Kap Nazzjonalista qal li huwa tajjeb li l-Gvern se jgħin lill-anzjani jirċievu l-mediċini tal-POYC iżda qal li l-Gvern għandu jkollu servizz biex dawn ikollhom ukoll l-ikel. Dr Delia qal li l-ħaddiema tal-Gvern għandhom sistema teknoloġika biex jaħdmu mid-dar u sostna li din għandha tintuża f’dawn il-każijiet.

Dwar il-leave tal-kwarantina, qal li l-Gvern għandu jerfa’ l-piż fuqu. Mistoqsi jekk jaħsibx li dan għandu japplika għall-ġenituri li se jieħdu l-leave biex jieħdu ħsieb it-tfal minħabba li għalqu l-iskejjel, qal li jekk l-Oppożizzjoni tkun fuq il-mejda mal-Gvern tkun tista’ tagħti l-pożizzjoni tagħha b’mod aħjar. Dr Delia appella biex fil-Parlament jiġi sospiż ix-xogħol tal-Kamra u jiġi diskuss dak li hemm bżonn għall-pajjiż.

Intant, iktar tard fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jikkumpensa lil dawk milquta mill-coronavirus. Sostna li hekk kif il-pajjiż qed jerfa’ l-piż li qed iġibu magħhom l-effetti tal-coronavirus, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex tinħoloq sistema fejn min se jinstab bla impjieg jew bi ġranet jew sigħat imnaqqsa, għandu jidħol għal dan in-nuqqas b’effett immedjat. Il-Partit Nazzjonalista qal li għandu jsir bħama sar fil-passat, fejn Gvern Nazzjonalista kif ħallas ġurnata xogħol meta l-ħaddiema kellhom ġimgħa xogħol ta’ erbat ijiem biss.