Edukazzjoni
X’qal l-ex President tal-MUT John Bencini dwar il-protest ġudizzjarju fil-konfront tal-MUT u l-UPE?

L-Avukat Andre’ Borg ressaq protest ġudizzjarju fil-Qorti f’isem għadd ta’ ġenituri, edukaturi u ħaddiema minħabba dak li sejjaħ il-militariżmu tal-unjins tal-għalliema għad-detriment tal-istudenti, ġenituri, edukaturi u l-pubbliku. Fil-protest ġudizzjarju, Dr Borg qal li d-dewmien fil-ftuħ tal-iskejjel wara pressjoni li saret mill-MUT u l-UPE wasslet biex eluf ta’ ġenituri se jkollhom iħarbtu l-impenji tagħhom u qed jitlob li ż-żewġ unions jaġixxu b’iktar responsabbiltà u fl-interess pubbliku.

F’kummenti ma’ TVM, Dr Borg qal li bħala ġenitur jħoss li l-istudenti m’għandhomx jintużaw fir-rivalità bejn iż-żewġ unions tal-għalliema.

”Kienet inizjattiva personali, privata mingħajr ebda interessi ma tlabt xejn għaliha imma qiegħed inwassal il-messaġġ ta’ numru kbir ta’ ġenituri, edukaturi u studenti għax inħossu li r-rivalità bejn iż-żewġ unions tal-għalliema qed inħossu li jinqalgħu ċertu issues minħabba din ir-rivalità u mhux fl-aħjar interess tal-istudenti. Inħeġġeġ lil dawk it-tradeunions biex ipoġġu bilqegħeda u fejn hemm kwistjonijiet jindirizzawhom iżda ma jużawx il-pjattaforma nazzjonali biex iwaqqfu l-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.”

B’reazzjoni għall-protest ġudizzjarju, l-MUT qalet li kull deċiżjoni li ttieħdet min-naħa tal-union saret biex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti, l-edukaturi u l-familji. Fi stqarrija, il-union argumentat li għamlet dmirha biex tissalvagwarda lil kulħadd bid-djalogu soċjali li ħolqot mal-awtoritajiet u l-iskejjel.

Dwar dan l-iżvilupp, Television Malta tkellem mas-Sur John Bencini li għal żmien twil serva bħala l-President tal-MUT u aktar riċenti bħala ċ-Chairperson tal-MCESD. Is-Sur Bencini stqarr li r-rivalità bejn il-unions hija minn ewl id-dinja, iżda qatt ma jaf li sar protest simili quddiem il-qrati.

”Sa fejn naf jien mitt sena storja ta’ MUT qatt ma ġrat u jidhirli wkoll li lanqas min-naħa ta’ Gvern ma kien hemm xi ħaġa simili.”

Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern u l-unions tal-għalliema lejliet il-ftuħ tas-sena skolastika ġdida, is-Sur Bencini qal li fl-aħħar mill-aħħar rebaħ is-sens komun għax f’Malta hawn djalogu soċjali b’saħħtu u għax il-Gvern laqa’ ħafna mit-talbiet tal-unions.

”Naf li ż-żewġ unions huma kuntenti għaliex huma laqgħu in toto dak li talbu huma u rawhom b’għajnejhom. Fl-aħħar mill-aħħar trid tara x’se jiġri. L-iskejjel se jiftħu ġimgħa wara li qal il-Gvern li jgħid mhux bibbja lanqas tal-Unions. Jiġifieri m’għamlitliex xi differenza kbira. Iżda nistgħu ma nibagħtux it-tfal l-iskola aħna?”

Is-Sur Bencini tenna li fl-opinjoni tiegħu Malta ma kellhiex għalfejn itawwal daqstant biex tiftaħ l-iskejjel u saħaq li post it-tfal huwa fl-iskejjel.