Lokali
X’qalu l-partiti politiċi fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea dwar l-insib tal-għasafar tal-għana?

Tliet partiti politiċi kkummentaw dwar li Malta tilfet il-kawża fil-Qorti Ewropea fil-Kawża tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-applikazzjoni ta’ deroga minn Malta għall-insib fuq seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana fl-istaġun tal-ħarifa.

L-Alternattiva Demokratika qalet li tilqa’ b’sodisfazzjon is-sentenza tal-Qorti Ewropea. Qalet li l-Qorti Ewropea kkonfermat dak li dejjem sostniet l-Alternattiva li l-insib ma jistax isir bil-liġijiet Ewropej. L-Alternattiva qal li issa l-Gvern huwa obbligat jara illi l-insib jieqaf billi jiġi żgurat infurzar effettiv.

Il-Partit Nazzjonalista qal li eluf ta’ nassaba spiċċaw ma jistgħux jipprattikkaw id-delizzju tagħhom minħabba dak li sejjaħ id-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern fil-mod kif applika d-deroga. Qal li dan huwa riżultat tal-wegħdi fiergħa li l-Gvern għamel lin-nassaba. Il-Partit Nazzjonalista appella għal djalogu mal-Kummissjoni Ewropea u man-nassaba biex jinstab mod kif l-insib ikun jista’ jsir bi pjan serju li ma jiksirx il-ħarsien tad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar filwaqt li ma jiġbidx aktar kundanni lejn Malta li minnhom ibati kulħadd.

U l-Partit Laburista qal li kieku kellu sens ta’ diċenza l-Partit Nazzjonalista kien joħroġ jiskuża ruħu man-nassaba u mhux jattakka l-Gvern biex mingħalih jiskorja punti politiċi. Fakkar li l-kapijiet nazzjonalisti wiegħdu lin-nassaba li se jibqgħu jonsbu dejjem u wara l-2008 ma nasbux iktar sal-bidla fil-Gvern fl-2013. Qal li ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jmissu jitlob apoloġija lin-nassaba. Żied jgħid li n-nassaba jafu li kien biss il-Partit Laburista li għamel minn kollox biex jiddefendi t-tradizzjoni tagħhom.

Ara wkoll:

Malta titlef il-kawża fil-Qorti Ewropea dwar l-insib tal-għasafar tal-Għana – il-Gvern qed jevalwa d-deċiżjoni bir-reqqa