Kultura
X’qed isir ġol-mitħna tax-Xewkija?

Mitħna unika fix-Xewkija, Għawdex, b’torri bi tmien faċċati, qed tiġi restawrata bħala parti minn proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza tax-Xewkija. Il-mitħna kienet ikkummissjonata mill-Gran Mastru Perellos fil-bidu tas-seklu tmintax.

F’tarf ir-raħal tax-Xewkija, fit-triq li mill-port tal-Imġarr tagħti għar-Rabat, il-mitħna ottagonali bi tmien faċċati faċilment titqies bħala binja b’karattru distintiv u uniku Għawdxi. Din hija l-iktar mitħna antika f’Għawdex. Bdiet titħan il-qamħ fl-1710 u baqgħet tintuża sa sittin sena ilu. Tħalliet fi stat ta’ telqa u dan qed ikun ta’ sfida għad-direttorat tar-restawr.

“Din il-mitħna tagħmel parti min-numru konsiderevoli ta’ mtieħen li nbnew mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-irħula ta’ Malta u Għawdex. Fil-fatt bejn is-seklu 17 u s-seklu 18, il-kavallieri ta’ Malta bnew 50 mitħna f’Malta u 15 oħra f’Għawdex. Imma din il-mitħna hija partikolari, għax hi l-eqdem mitħna,” spjegat il-Perit Ivana Farrugia mid-Direttorat tar-Restawr.

Fir-restawr tal-mitħna se jitneħħew xi partijiet tal-ħadid u konkrit, jinbidel is-saqaf tal-konkrit ma’ wieħed tradizzjonali bi travi tal-ġebel, u se titnaddaf il-ġebla. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu tal-mitħna se jinbena mill-ġdid.

“Xogħol li bħalissa huwa għaddej u wasal prattikament kważi kważi fil-fażijiet finali tiegħu. Xogħol li kkonsista fir-restawr minn barra u minn ġewwa,” fisser wieħed mill-periti, Shaun Micallef.

Il-mitħna tikkonsisti minn intrata kbira, żewġt ikmamar paralleli u kċina fuq wara. Fin-nofs hemm garigor li jwassal għall-bejt tat-torri. Fuq id-daħla hemm ukoll kamra oħra li kienet tintuża biex l-ommijiet iwelldu.

Ir-restawr tal-mitħna ottagonali huwa parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza tax-Xewkija mniedi mill-Ministeru għal Għawdex, b’sostenn finanzjarju tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Żewġ nisa, li waslu Malta b’dgħajsa ma’ immigranti oħra s-sena l-oħra, spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja. Fil-Qorti, l-avukat tagħhom Martin Fenech, spjega li huma użaw dokumenti foloz biex ikunu jistgħu jibdew…

Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar