X’qed iwassal għaż-żieda fir-rata ta’ korriment tat-tqala f’pajjiżna?

Għadd ta’ koppji f’pajjiżna jispiċċaw isofru fis-silenzju d-dieqa li jġib miegħu l-korriment fi tqala, dan għaliex dan is-suġġett bħal donnu ħadd ma jitkellem fuqu. Popolin iddiskuta l-korriment biex jifhem aħjar il-fatturi li jwasslu għal dan l-episodju u x’qiegħed jikkawża ż-żieda fir-rati tal-korriment. Ġie analizzat ukoll l-impatt mediku, psikoloġiku u soċjali li jħalli dan l-episodju diffiċli.

Skond statistika bażata fuq l-korriment waqt it-tqala f’pajjiżna, ġie indikat li nisa ta’l-fuq minn erbgħin sena u tfajliet ta’ inqas minn għoxrin sena għandhom ċans ikbar ta’ korriment waqt it-tqala meta komparati ma’ nisa ta’ bejn l-għoxrin u tletin sena. Minn naħa l-oħra l-iktar żmien prekarju fit-tqala huma l-ewwel ġimgħat, fil-fatt l-istatistika tindika li 28% tal-korrimenti jsiru fit-tielet ġimgħa tat-tqala, in-numru jinżlu drastikament fl-għoxrin ġimgħa tat-tqala.

Ir-rata ta’ korrimenti rapportati f’pajjiżna żdiedet fl-2017 fejn minn żewġ każijiet ta’ korrimenti kull elf persuna, l-ammont żdied għal tliet każijiet  fl-2018 u l-2019. Tajjeb li ngħidu li fl-2018 tnieda servizz li permezz tiegħu ċertu informazzjoni bdiet tinġabar aħjar, għalhekk iż-żieda fir-rati ta’ korrimenti jista’ jkun li huwa attribwit għal dan il-fatt ukoll. L-istatistika tindika li n-nisa Maltin qed ikollhom it-trabi tagħhom fl-età medja ta’ tletin sena.

Skond informazzjoni miġbura mis-sit tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, l-konsegwenzi tal-piż fuq il-korriment fit-tqala jidher li l-piż nieqes u l-piż żejjed għandhom rwol sostanzjali, bil-piż nieqes joħloq aktar komplikazzjonijiet mill-piż żejjed u l-obeżità. It-tipjip u x-xorb huma żewġ fatturi oħra li jħallu impatt liema bħalu fuq il-mara li tkun qed iġorr tarbija. Fil-fatt ma’ kull sigarett li tpejjep mara, tkun qed iżżid b’1% ir-riskju ta’ korriment, filwaqt li meta ixxomm dħaħen ta’ ħaddieħor iżżid ir-riskju b’11%. Minn naħa l-oħra jekk mara tixrob iktar minn żewġ grokkijiet fil-ġimgħa, ir-riskju ta’ korriment jiżdied sostanzjalment.