Lokali
X’rabta hemm bejn Ħal Balzan u San Valentinu?

Għal ħafna l-festa ta’ San Valentinu hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba b’messaġġi permezz ta’ kartolini, fjuri, rigali, ikliet u saħansitra xi btala qasira.

Għal lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta tfisser ferm aktar minn hekk! San Valentinu hu meqjus bħala t-tieni patrun ta’ Ħal Balzan, bir-rabta bejn Valentinu u l-lokalità se tagħlaq mitejn sena.

F’Malta, l-ismijiet Valent jew Valentina tiltaqa’ magħhom spiss f’Ħal Balzan, l-aktar fost l-anzjani . . . xhieda tar-rabta u d-devozzjoni fost din il-komunità lejn San Valentinu. F’din il-lokalità, hemm anke triq imsemmija għall-qaddis tal-maħbubin.

Ir-rabta bejn San Valentinu u Ħal Balzan tmur lura għal Jannar 1820 meta fdalijiet tal-qaddis inġiebu minn Ruma u ngħataw lill-parroċċa mill-Kanonku Dun Lawrenz Grech Delicata li kien minn Ħal Balzan. Carmel Bezzina, li rriċerka dwar raħal twelidu, qal li San Valentinu hu meqjus bħala t-tieni patrun tal-parroċċa, wara l-Madonna tal-Lunzjata. Fil-knisja hemm dak li jissejjaħ bħala korp sant.

Ir-Riċerkatur dwar Ħal Balzan, Carmel Bezzina qal “qiegħed f’pożizzjoni mimduda kif isibhom f’ħafna knejjes dawn imlibsin ilbies fin u sabiħ – ħarir, bellus bil-bizzilla u l-bqija. Imbagħad skont l-għadam li jkun inġab minn Ruma jpoġġuh f’dik il-parti – pereżempju hawnhekk għandna parti mill-qafas tas-sider u partijiet mill-qażba tas-saqajn – tas-sieq. Dak jagħmluh fil-ħġieġa biex jidher u mbagħad madwaru jibnu l-istatwa.”

Il-festa ta’ San Valentinu hija minsuġa fuq il-martirju tiegħu fi żmien il-persekuzzjoni tal-Insara, lejn is-sena 270, mill-imperatur Claudius it-Tieni. Fost il-leġġendi dwar dan il-qaddis, tispikka dik li kien iżżewweġ bil-moħbi lill-koppji nsara u li kien jgħin lil dawk ippersegwitati mill-istess Imperatur.

Fl-imgħoddi, il-Balzanin kienu jiċċelebraw lil San Valentinu bil-kbir. Is-Sur Bezzina rrakkonta li f’Ħal Balzan San Valentinu kien jiġi ċċelebrat Ħadd qabel il-festa titulari tal-Lunzjata. Jiftakar li madwar ħamsin sena ilu, il-knisja kienet tiżżejjen għall-festa u f’nharha kienet toħroġ purċissjoni bis-sehem tal-frattellanzi.

“Tieħu sehem il-banda San Gabriel li tagħmel programm fuq iz-zuntier tal-knisja, kien ikun hemm xi logħob tan-nar, ċikċifogu wkoll u niftakar ukoll kienet isir fiera biex tlaqqa’ n-nies jieħdu pjaċir u anke mod kif jinġabru xi ftit flus għall-ispejjeż tal-festa. Biż-żmien din il-festa bdiet tmajna bħal festi oħrajn simili f’parroċċi oħrajn.”

Illum, il-parroċċa ta’ Ħal Balzan tfakkar lil San Valentinu b’quddiesa fl-erbatax ta’ Frar.

Il-korp sant ta’ San Valentinu issa se jiġi rrestawrat fi proġett li għandu jkun lest għall-anniversarju ta’ mitejn sena fost il-Balzanin, iċċelebrat is-sena d-dieħla.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Arnold Cassola rriżenja minn Alternattiva Demokratika minħabba dawk li fisser bħala “differenzi bejnu u l-Kumitat Eżekuttiv tal- Alternattiva” dwar l-abort. Il-kwistjoni qamet nhar il-Ġimgħa li għadda bil-Professur Cassola jirreaġixxi għal…

Qorti

Ingħata l-libertà proviżjorja ż-żagħżugħ Libjan kunsidrat li kien il-moħħ wara l-ħtif ta’ ajruplan li tniżżel Malta jumejn qabel il-Milied tal-2016. Soko Moussa Shaha Ali ilu miżmum arrestat il-ħabs minn dakinhar….

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wiegħed li gvern nazzjonalista ser jara li Għawdex ikun meqjus bħala gżira reġjun fil-kostituzzjoni biex l-Għawdxin ikollhom il-poter jiddeċiedu fuq il-ħtiġijiet tagħhom. Huwa…

Aktar