Waqt il-Kafé
X’rabta hemm bejn ix-xatrambatra u l-gass xejn mixtieq?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fl-imgħoddi, meta raġel u mara kienu jiżżewġu kienu jagħtuhom id-dota. Kien ikun missier l-għarusa li qabel tiżżewweġ bintu jagħtiha l-għamara tal-kamra tas-sodda, il-bjankerija, xi ħwejjeġ għaliha u anki xi biċċa art.

Din kienet tingħata permezz ta’ kitba għand in-Nutar, mhux biss biex tintuża wara t-tieġ, imma biex anki tibqa’ tużahom l-għarusa u ħadd ma joħodhomlha jekk imut żewġha. U jekk matul ħajtu, xi raġel kien iberbaq id-dota ta’ martu, kien hemm pieni apposta mill-qorti jistennewh.

Naturalment mhux kulħadd kien ikollu biex jagħti dan kollu. Darba niftakar qrajt każ dwar raġel li quddiem il-qorti xehed li l-familja tiegħu ftaqret wara li ta d-dota lit-tlett uliedu bniet. Mhux ta’ b’xejn li dari meta jkollok tifla, ħafna familji kienu jqisuha bħala piż. Għall-grazzja t’Alla llum dik il-mentalità naqset sew.

Aktar qrib lejn żmienna, fid-dota kienu jingħataw xi lożor u gvieret, xi sett tal-ikel, insomma sempliċiment affarijiet biex il-ħajja ġdida tal-koppja jkollha biex tibda. It-tfajliet bdew jaħdmu u qabel jiżżewġu ma kinux jiddependu biss minn dak li jogħġbu jagħtihom missierhom bħal qabel.

Fost l-affarijiet li jissemmew li kienu jingħataw mad-dota kien hemm ix-xatrambatra. Imma din ix-xatrambatra xi tkun? Din kienet tkun qargħa twila mnixxfa u żvujtata minn ġewwa biex tiġi qisha pajp twil. Fis-sodda matrimonjali, min ikollu l-gass, qabel jitfa’ xi ħoss mhux postu, kien iqabbad ix-xatrambatra mal-warrani biex ir-riħa xejn aromatika tmur ’il barra mis-sodda u ma ttellifx l-andament u l-eċċitament tal-aktar mumenti intimi. U iktar ma tkun twila l-qargħa, iktar ir-riħa titbiegħed.

Bejnietna… l-ewwel darba li nsib xi biċċa qargħa twila fil-brodu, naħsibha darbtejn nikolhiex.

Dan l-aħħar kumpanija Ingliża vvintat ħwejjeġ ta’ taħt u cushions apposta għal min ibati bil-gass. Fil-materjal ta’ dawn l-oġġetti hemm karbonju apposta li jiffiltra u jneħħi r-riħa xejn mixtieqa.

Naturalment hemm ħafna li qegħdin jagħtu dawn il-cushions jew ħwejjeġ ta’ taħt bħala rigal b’ċajta. Minħabba li jevitaw il-mistħija tas-sitwazzjoni, lil min ibati bil-gass dawn il-prodotti jserrħuh… aktar mill-gass innifsu.

U la jiġu Malta dawn il-prodotti, kif se noħduhom? Tgħid jibdew jingħataw mad-dota minflok ix-xatrambatra?

Tweġiba eżatt jien m’għandix. Imma m’għandix dubju li f’pajjiżna għandna ħafna professuri tal-gass.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-President ta’ Malta George Vella flimkien mas-Sinjura tiegħu Miriam ivvutaw fiż-Żejtun. Huma vvvutaw għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Aktar kmieni vvutaw il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Il-votazzjoni…

Qorti

Raġel ta’ 49 sena residenti l-Gżira nħeles mill-arrest wara li darab ħafif lis-sieħba tiegħu li jgħixu flimkien. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-vittma qalet li tixtieq li jibqgħu jgħixu flimkien u…

Qorti

Liam Debono nżamm arrestat wara li mill-ġdid sab ruħu l-Qorti b’rabta mal-arrest li seħħ ilbieraħ wara li nqabad isuq mingħajr liċenzja. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Debono ġie akkużat li lbieraħ…

Aktar