Ikel
X’rabta hemm bejn l-ikel u l-funerali?

Novembru kollu huwa x-xahar tal-mejtin, fejn niftakru li l-parti spiritwali tal-bniedem laġqet il-milja tal-eżistenza tagħha. Ma’ dawn it-tifkiriet jorbtu wkoll tradizzjonijiet oħra, li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra, tal-ikel li nieklu. U dan mhux f’Novembru biss imma meta jitfakkru l-mejtin u waqt il-perjodu ta’ luttu.

Ix-xahar ta’ Novembru huwa assoċjat mal-mejtin. Xahar li fih infakkru l-mejtin tagħna u l-qaddisin. Iżda r-rit fil-funerali u l-użanzi li huma parti mit-tradizzjonijiet Maltin li magħhom jidħol ukoll l-ikel. Noel Buttigieg, minn Heritage Malta jgħid li kollox jorbot mal-kunċett tal-memorja. “Meta ssaqsi lilek innifsek għala nagħmlu dawn l-affarijiet, nibdew naraw kif il-bniedem iħares pereżempju lejn ir-rit tal-Ewkaristija – l-ikel li b’mod kontinwu jfakkarna f’avvenimenti vera importanti għall-knisja.”

L-ewwel uzanżi tar-rit tal-mewt marbut mal-ikel imur għal żmien ir-Rumani fejn l-ewwel Kristjani Maltin kienu jfakkru l-mewt ta’ qrabathom fil-katakombi madwar il-mejda tal-Agape. Iżjed ‘il quddiem insibu tradizzjonijiet oħra b’riferenza anke għall-Koċċja, taħlita ta’ qamħ mgħolli ma’ prodotti oħra fosthom dawk tal-istaġun bħar-rummien. It-tradizzjonijiet Maltin jieħdu dimensjoni iktar wiesgħa għax hawn iltaqgħu ħafna reliġjonijiet, saħansitra minn Żmien il-Medjuevu. Il-Koċċja, l-Maltin isselfuha minn tradizzjoni Ortodossa li sal-lum il-ġurnata fil-Greċja għadha ssir u tissejjaħ Colliva. L-ewwel traċċi tal-Koċċja f’Malta jmorru lura għall-1575 u maż-żmien intilfet imma daħal ikel ieħor assoċjat mal-mewt u l-funerali – u din mhi xjen ħlief il-bigilla. Kien hemm ukoll tradizzjonijiet oħra.

“Ażi – li kienet tradizzjoni Lhudija, illum tissejjaħ Xiva, fejn wara l-mewt il-qraba ta’ min iħalli d-dinja kienu jibqgħu ġewwa, speċjalment in-nisa. Ma jixgħelux nar u lanqas isajru ikel bin-nar u kienu jkunu l-ġirien jew qraba oħra li jipprovdulhom l-ikel għal numru ta’ ġranet.”

L-ikel, għandu ħabta li jkun fih tifsira li tmur lil hinn mir-riċetta biss. Ikun ġej minn tradizzjoni jew drawwa li intirtet maż-żmenijiet u forsi anke nbidlet imma kull ikel tipiku għandu storja warajh.